X’qed isir f’każ li jiftħu l-iskejjel?

F’każ li l-iskejjel jiftħu mill-ġdid f’Settembru li ġej, il-Ministeru tal-Edukazzjoni qed jieħu diversi miżuri sabiex jiżgura li dawn ikunu siguri ladarba huwa mistenni li Malta tkun għadha qed taffaċċja l-imxija tal-coronavirus.

Il-ħsieb tal-Gvern huwa li l-iskejjel jinfetħu f’Settembru, iżda ma tistax tittieħed deċiżjoni definita minn issa billi l-pandemija hija waħda imprevedibbli.

Waqt laqgħa li kellha l-Assoċjazzjoni tal-Ġenituri tal-Istudenti fl-Iskejjel tal-Gvern (MAPSSS) mas-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru tal-Edukazzjoni Dr Frank Fabri, hija ġiet infurmata b’dak li qed iwettaq il-Ministeru bħala parti mill-protokolli kif jiġi kkontrollat il-virus jekk jinfetħu l-iskejjel.

Ġie spjegat kif kull klassi tkejlet sabiex jiġi stmat kemm jista’ jkun hemm studenti f’kull klassi biex jiġu rispettati l-linji gwida tad-distanza soċjali maħruġin mill-awtoritajiet tas-saħħa. Apparti dan, il-Ministeru qed iqis diversi xenarji b’linji gwida differenti dwar l-imġiba, u anke b’rispons għal kull ħaġa li tista’ tinqala’. Qed jiġi pjanat protokoll ta’ sigurtà għat-trasport tal-iskola wkoll.

Qiegħed jiġi diskuss ukoll xi tibdil li jista’ jsir fis-sillabu tas-SEC. Il-ġimgħa li għaddiet, il-Ministeru tal-Edukazzjoni ħabbar xi tibdiliet possibbli fis-sillabi tal-primarja u tas-sekondarja, u ħareġ anke linji gwida għall-għalliema b’xenarji differenti ta’ jekk l-iskejjel jiftħu, jekk jiftħu parzjalment, jew jekk ma jiftħux u t-tagħlim jibqa’ jsir online.

Il-MAPSSS infurmat lill-membri tagħha li hija ssuġġeriet lill-Ministeru li jorganizza lezzjonijiet ta’ reviżjoni għall-istudenti li waqgħu lura, u anke sabiex jaġġorna l-policy fuq ix-xogħol tad-dar jekk ikun hemm xi tfal li jiġu assenjati xi xogħol permezz ta’ My School meta dawn ikunu kwarantina.

L-Assoċjazzjoni semmiet ukoll il-possibbiltà li tfal li jkunu ġejjin minn barra minn Malta jsirilhom swab test. Iżda billi s-sitwazzjoni qed tinbidel il-ħin kollu, ġie maqbul li l-protokoll tas-saħħa u s-sigurtà li jiġi implimentat ikun jindirizza l-kuntest ta’ meta jinfetħu l-iskejjel.