X’qalulna l-aħħar 24 siegħa b’rabta mal-coronavirus?

Miguela Xuereb

Il-Gvern nieda bulletin ieħor b’rabta mal-aħħar aġġornamenti fil-pajjiż mal-coronavirus. Fost l-oħrajn tkellem dwar it-tifħir li sar lil Malta b’rabta mal-azzjoni li qed tieħu fejn jidħol il-virus, l-aħħar aġġornamenti dwar il-każi preżenti tal-virus, kif ukoll l-għadd ta’ persuni ġodda li nqabdu jiksru l-kwarantina.

Ċertifikat pożittiv għal Malta mill-WHO

Il-Gvern semma kif l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa għażlet lil Malta bħala l-pajjiż li qed juri kif għandhom jitmexxew l-affarijiet fil-ġlieda kontra l-Covid-19. Ġie spjegat li waqt laqgħa virtwali lbieraħ, quddiem il-Ministri għas-Saħħa tad-dinja kollha, id-Direttur Ġenerali tal-WHO semma lil Malta bħala l-mudell li pajjiżi oħra għandhom iħarsu lejh u jimitaw.

L-iskejjel se jibqgħu magħluqa sa Ġunju

Intant ilbieraħ, il-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonnici ħabbar li l-iskejjel u istituzzjonijiet edukattivi se jibqgħu magħluqa sal-aħħar ta’ Ġunju li ġej. L-istudenti tal-Year 6 se tittieħed il-marka tal-assessment minflok il-benchmark. L-eżamijiet tas-SEC (O Level) mhux se jsiru u minflok l-istudenti se jsirilhom predictive assessment mill-MATSEC. Il-MATSEC se toħroġ ċertifikat lill-istudenti li jgħaddu biex ikunu jistgħu jidħlu fl-iskejjel postsekondarji. Kull student tas-SEC però jibqagħlu d-dritt li jekk irid hu jew trid hi jagħmlu l-eżami f’Settembru li ġej.

L-eżamijiet tal-Intermediate u A levels se jiġu posposti għal Settembru li ġej, bir-resits isiru f’Diċembru biex l-istudenti wkoll ikollhom opportunità jkomplu bl-edukazzjoni terzjarja mingħajr ma dawn l-istudenti li jagħmlu resits jiġu penalizzati. Se jsiru arranġamenti biex studenti fl-Università u l-MCAST ikomplu għaddejjin bl-istudji tagħhom filwaqt li t-tagħlim online f’kull livell se jibqa’ għaddej ukoll.

F’Malta issa hawn 149 każ tal-coronavirus

Il-każi tal-coronavirus f’Malta issa telgħu għal total ta’ 149 każ. Dan wara li lbieraħ tħabbru 10 każijiet ġodda ta’ nies pożittivi għall-Covid-19. Dawn instabu wara li saru 487 test ieħor f’temp ta’ 24 siegħa. Fosthom hemm anzjan ta’ 72 sena li jinsab f’qagħda kritika fl-ITU tant li għamlulu l-ventilator.

Sitta mill-każi ġodda huma relatati ma’ safar waqt li l-4 l-oħra huma kaġun ta’ trażmissjoni lokali. Qed isir aktar relevanti l-appell biex l-anzjani u persuni vulnerabbli jibqgħu ġewwa d-dar għall-ġid tas-saħħa tagħhom.

120 sodda f’Għawdex

Intant, il-Gvern ħabbar li flimkien ma’ Steward Global Healthcare, fi żmien ġimagħtejn, se jkun hemm 120 sodda lesti għal kull eventwalità ta’ pazjenti morda bil-Covid-19. Fi tliet ġimgħat oħra, is-sodod fl-ITU se jiżdiedu għal 20, bi 13 allokati għal pazjenti bil-Covid-19.

Ħareġ li Għawdex se jkollu bulk oxygen cylinder għall-użu fost l-oħrajn tal-ventilators. Barts ukoll offriet l-iskola medika biex tintuża biss minn pazjenti immuno-compromised waqt li Steward Healthcare għandha 2 ħelikopters biex, fuq ordni tal-awtoritajiet, iġġib pazjenti lejn Malta. L-anzjani f’Sant’Anna se jiġu rilokati f’post ieħor biex b’hekk l-isptar t’Għawdex ikollu 80 sodda oħra għal pazjenti bil-Covid-19.

Aktar persuni jiksru l-kwarantina

Intant ħareġ li ħames persuni oħrajn inqabdu jiksru l-kwarantina obbligatorja waqt l-421 spezzjoni li saru fil-gżejjer Maltin. Dawn kollha ġew immultati €3000 kull wieħed. S’issa 40 persuna nqabdu jiksru l-kwarantina u ġew immultati.

Intant l-ebda stabbiliment tal-ikel u xorb ma nstab li kiser ir-regolamenti biex jibqa’ magħluq fil-gżejjer Maltin. B’kollox saru 600 spezzjoni f’Malta u 170 f’Għawdex biex b’hekk it-total ta’ spezzjonijiet qabeż is-6,700. Tista’ tirrapporta lil min jabbuża fuq in-numru 21692447.

Il-PA se ġġedded permessi ta’ żviluppi bi 3 snin

Intant, il-Gvern spjega kif l-Awtorità tal-Ippjanar nediet miżuri fejn permessi ta’ żvilupp li diġà nħarġu u għadhom validi, iżda se jiskadu, se jiġu estiżi bi 3 snin. Il-miżura se tiffaċilita li jitlestew numru ta’ proġetti u T=tevita sitwazzjoni fejn kuntratturi u żviluppaturi jissieltu kontra l-ħin biex ilaħħqu mal-iskadenzi. Tgħin ukoll biex il-komunitajiet ma jimtlewx f’daqqa b’siti ta’ kostruzzjoni u jitrażżan l-impatt negattiv fuq l-ambjent.

Il-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar u l-Kummissjoni tal-Ippjanar se jibdew ukoll imexxu l-laqgħat b’mezzi elettroniċi ta’ komunikazzjoni bħal video conferencing.

Ara fejn tista’ ċċempel għal aktar għajnuna

  • 111 – Għall-persuni li jħossu sintomi tal-COVID-19 jew jixtieq iktar informazzjoni.
  • 21411 411 – Għall-persuni fi kwarantina mandatorja li għandhom bżonn provvista ta’ ikel u mediċini.
  • 1772 – Għal dawk li jħossuhom waħedhom.
  • 153 – Għal dawk li jridu tagħrif dwar il-miżuri fil-pakkett finanzjarju li se jiġu amministrati mid-Dipartiment tas-Sigurta Soċjali.
  • 144 – Għal dawk li jridu tagħrif dwar il-miżuri fil-pakkett finanzjarju li se jiġu amministrati mill-Malta Enterprise.
  • 2204 2200 – Għar-residenti Maltin li nqabdu f’wieħed mill-pajjiżi ta’ riskju għoli u jridu jiġu lura Malta;
  • 25981000 – Għal dawk li għandhom domandi dwar is-settur edukattiv u l-impatt tal-Coronavirus.
  • 21692447– Għal lukandiera u turisti li għandhom domandi dwar il-miżuri mħabbra.
  • 25903030 – Għall-anzjani mingħajr sapport li għandhom bżonn mediċini, ikliet lesti jew prodotti tal-ikel (frott u ħaxix).
  • 25469111 – Għal dawk li jaħdmu fl-industrija tal-gaming.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn