X’qalu MPs tal-PN dwar is-survey tal-MaltaToday?

Read in English.

Membri Parlamentari Nazzjonalisti li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt wara li ħareġ l-aħħar stħarriġ tal-MaltaToday, juri li n-nies għandhom ħafna aktar fiduċja fi Chris Fearne milli għandhom f’Adrian Delia. Qalu li jekk il-Partit Nazzjonalista ma jiġġeddidx, la jsalva l-partit u lanqas ikun jista’ jsalva lil Malta.

L-istess MPs, waqt li għarfu l-punti tajbin ħafna ta’ Adrian Delia, qalu li minn dan u minn stħarriġ ieħor li sar, jidher li hemm votanti li ma aċċettawhx.

Fearne bl-akbar appoġġ

Kien hemm 60% ta’ dawk li wieġbu li qalu li għandhom fiduċja fi Chris Fearne waqt li kważi 18% biss qalu li għandhom fiduċja f’Adrian Delia. Fearne kien b’saħħtu aktar anke minn Robert Abela, Ian Borg u Miriam Dalli.

L-istħarriġ ta’ Malta Today wera wkoll li minkejja li 70% tal-Maltin iridu li l-Prim Ministru Muscat iwarrab jew immedjatament jew f’Jannar, il-Partit Nazzjonalista kważi ma ggwadanja xejn minn din il-kriżi kbira politika, legali u kostituzzjonali.

Tgħid minħabba l-firda?

Mistoqsi minn Newsbook.com.mt jekk dan id-distakk hux minħabba li jidher li hemm firda fil-PN, MP minnhom qalilna li dik mhux il-problema prinċipali.

“Għal dawn l-aħħar ġimgħat ma kienx hemm ġlied intern. U llum mhux kwistjoni ta’ firda jew ġlied. Il-problema llum hija kif in-nies hemm barra jħarsu lejn il-kap tal-PN u mhux kif iġibu ruħhom in-nies fil-partit.”

Huwa żied jgħid li Delia għamel ħafna sagrifiċċji biex ħareġ għall-politika,  għandu ħiliet retoriċi kbar u għandu appoġġ qawwi ma’ ħafna paritarji. 

“Jekk issegwi d-dibattiti fil-Parlament tinduna kemm jitkellem sod. Il-kundanna tiegħu għall-korruzzjoni tal-Gvern hija kostanti u saħansitra ħa lill-Gvern il-Qorti fuq diversi każi. Iżda għall-ċerti nies dan mhux biżżejjed.”

Kompla jgħid li għall-diversi raġunijiet jidher li hemm għadd ta’ persuni li s-soltu jivvutaw għall-PN li ma tantx għandhom fiduċja fih. Huwa żied jgħid li, tajjeb jew ħażin, l-attakki li kienet għamlet fuqu Daphne Caruana Galizia ferewh sew.

“Minkejja li skuża ruħu għall-użu tal-frażi ‘biċċa blogger’, diversi baqgħu ma jridux jafu bih. Ftakar li Caruana Galizia nqatlet ftit biss wara li Delia sar kap.  Din il-ħaġa mmarkat it-tmexxija ta’ Delia”.

MP ieħor qal li din il-ħaġa x’aktarx li kienet tkun megħluba kieku wara l-pubblikazzjoni tal-konklużjonijiet tar-Rapport Egrant, ma talabx lil Simon Busuttil biex jissospendi ruħu mill-Grupp Parlamentari.

Il-PN hemm bżonn jiġġedded

MP ieħor qal li l-PN biss jista’ jsalva  lill-Malta mill-kriżi politika li għandna u dik ekonomika li mistennija tolqot lill-pajjiż. Huwa qal li Fearne u Abela kienu parti mill-Gvern ta’ Muscat u ma jistgħux jilagħbuha li ma kienu jafu xejn bil-korruzzjoni.

MP ieħor qal li l-frustrazzjoni li jħossu ċerti MPs meta jaraw li l-PN ma jistax ikun fuq quddiem nett biex jiġġieled il-kriżi preżenti hija kbira, u wħud tkellmu biċ-ċar fil-laqgħa tal-Grupp Parlamentari l-ġimgħa li għaddiet.

“L-assenza tagħna tweġġagħna. U r-riżultat tal-poll tal-MaltaToday iġġib diżappunt akbar.”

L-MPs li kellimna kienu kollha tal-istess fehma: il-PN irid iġedded l-istrutturi tiegħu u parti minn dan it-tiġdid irid ikun hemm kap aċċettat mill-kurrenti kollha fil-partit u mill-pajjiż.

“Għandna bżonn kap li jgħaqqadna lkoll; kap li jkun aċċettat minn kulħadd. Jekk jiġri hekk ikun hemm tama għall-elezzjoni tal-2022.”

Fil-PN hemm min jista’ jgħaqqad lill-fazzjonijiet kollha u jkun aċċettat mill-poplu? staqsa Newsbook.com.mt.

L-MPs li tkellimna magħhom jemmnu li hemm min, iżda ppreferew li ma jsemmux ismijiet. Qalu biss li dawn ma jridux ikunu nies li kellhom karigi għolja qabel jew issa.

Newsbook.com.mt ikkuntattja wkoll lill-PN għal reazzjoni dwar ir-riżultat tal-istħarriġ tal-MaltaToday iżda sa x’ħin ktibna r-rapport ma kienet waslet l-ebda risposta.