X’qalu l-partiti politiċi lil Christabelle?

Kemm il-Partit Laburista, kif ukoll il-Partit Nazzjonalista, awguraw lil Christabelle li issa se tirrappreżenta lil Malta bid-diska Taboo fil-Eurovision Song Contest ta’ din is-sena f’Lisbona.
“Konvinti li se tagħmel lill-Maltin u ’l-Għawdxin kburin” – PL
Fi stqarrija, il-PL saħaq li huwa ċert li Christabelle se tagħmel lill-Maltin u ’l-Għawdxin kburin b’pajjiżhom u jemmen li l-poplu Malti se jkun magħqud warajha.
Filwaqt li radd ħajr lill-organizzaturi tas-serata, li ddeskrivieha bħala “xhieda tat-talent artistiku” f’Malta, awgura lil Christabelle għar-rebħa tagħha.
“Ċerti li Christabelle se tagħmel ġieħ lil pajjiżna” – PN
Filwaqt li fakkar li l-Eurovision huwa avveniment li jgħaqqad lill-poplu Malti, il-PN saħaq li ċert li Christabelle se tagħmel ġieħ lil Malta.
Il-PN irringrazzja lil dawk kollha li pparteċipaw fil-konkors u wera apprezzament għas-sagrifiċċju li jagħmlu bosta artisti biex jesprimu u jkabbru t-talenti tagħhom.
Għal din ir-raġuni, il-PN saħaq li se jkun qed jaħdem sabiex ikun hemm aktar opportunitajiet għall-artisti Maltin.
Ritratt: Christabelle Facebook Page