Filmat: “Kont, għadni u nibqa’ nħobbok ibni”

Read in English.

Jiddeskrivi lilu nnifsu bħala bniedem midneb. Iżomm mal-Juventus. Ħa liċenzja ta’ welder fl-Awstralja. Iqis lill-koppji bħala r-ritratt ta’ Alla fid-dinja. Jrid jisma’ kemm jiflaħ. It-tieni missier tiegħu huwa Turu Vella SJ. Għandu stima kbira tal-Papa Franġisku.

Dun Anton Teuma, l-Isqof Elett tad-Djoċesi ta’ Għawdex, wieġeb għall-mistoqsijiet ta’ Fr Joe Borg waqt il-programm Newsbook Hour fuq 103 Malta’s Heart u fuq Newsbook.com.mt. Ftit mill-mistoqsijiet u t-tweġibiet:

  • X’qaltek ommok meta semgħet li sirt isqof?

“Ommi Salvina qalti kif dejjem tgħidli: Agħmel int ibni. Darba meta kont is-Seminarju kelli ħafna dubji u bdejt naħsibha biex nitlaq. Għidt b’dan lil ommi. Qaltli: Ibni, kont inħobbok, għadni nħobbok u nibqa’ nħobbok. Agħmel int.

Omm Dun Anton Teuma man-nepputijiet
  • Semmili xi ħadd li influwenzak?

Jien inqis bħala t-tieni missier tiegħi lil Turu, kif ngħidulu aħna. Fr Arthur Vella SJ. Naf is-saċerdozju tiegħi lilu. Għalija kien missier li akkumpanjani. Kont tħoss li għandek post f’qalbu. Bniedem li jridli ġid kbir.

  • Kif ġibt li għandek liċenzja ta’ welder u ta’ electrician?

Min jafni jaf li s-Sibt filgħodu nagħmel ix-xogħol manwali fl-Istitut tal-Familja fejn kont inservi. Għalija dan importanti għax tgħinni nħossni f’kuntatt ma’ tant nies li jmiddu idejhom biex jagħmlu x-xogħol id-dar. Għarajjes, anke meta jkunu professjonisti, jagħmlu hekk biex jiffrankaw.

Kont l-Awstralja bħala seminarista meta kont naħdem f’fabbrika u tawni ċ-ċans li nagħmel dan it-taħriġ u ħadt din il-liċenzja. Kont imbagħad ngħin ħaddiema oħra fi bżonnijiet li jkollhom id-dar.

  • Ma’ min iżżomm futbol?

Mal-Juventus.

  • Veru li ħafna drabi kont tmur bir-rota mis-Seminarju għad-dar?

Veru. Inħobb nagħmel hekk. L-ambjent irridu nagħtuh importanza. Qed naħsbu għal butna u mhux għal nifisna.

  • Kif tarha l-Knisja?

Hemm il-livell ideali. Hemm ukoll il-livell ta’ kif jarawha n-nies lill-Knisja. Allura hemm bżonn mixja flimikien. Il-Poplu ta’ Alla kollu anke ma’ dawk li ma jemmnux. Jekk il-Vanġelu nħalluh biss għal min imur il-knisja nagħmlu servizz ħażin lill-Vanġelu. Importanti ħafna li nisimgħu.

  • Kif tħares lejn il-familji?

Wara kull problema u diffikulta fil-familji hemm xewqa kbira ta’ mħabba. Kull min imiss mal-weġgħat isib li warajhom ikun hemm din ix-xewqa għall-imħabba. Ir-relazzjoni bejn raġel u mara hija ritratt tax-xbieha ta’ Alla fostna. Meta l-Knisja tmiss ir-relazzjonijiet tkun qed tirranġa r-ritratt ta’ Alla fid-dinja.

  • X’taħseb fuq il-Papa Franġisku?

Meta jissemma l-Papa nħoss ġismi jqum xewk xewk għax dan il-Papa huwa l-aħjar espressjoni tal-Vanġelu fid-dinja tallum.

  • Id-dnub huwa r-realta li aħna – jien, inti, kulħadd – nitlaqtu minnha. Kif tinfluwenzak din il-ħaġa?

Jien midneb. Aħna midimbin iżda maħbubin. U maħbubin mhux għax tajbin iżda għax midinbin. Alla jħobbni bid-dnubiet tiegħi. Iżda jekk nifhem l-imħabba ta’ Alla għalija ninbidel.

  • Kif irreaġixxejt meta qalulek li se ssir isqof?

Kien it-Tlieta f’nofsinhar meta ċemplu min-Nunzjatura bdejt nibdel kull kulur kif smajt. L-ewwel reazzjoni kienet xokk. L-għada għamilt xi siegħa nitkellem man-Nunzju. Tani 24 siegħa u wara li tlabt dwarha aċċettajt.