X’qal is-sensar fil-Qorti?

Is-sensar fil-każ tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia reġa’ xehed fil-Qorti llum. Is-seduta damet ftit inqas minn erba’ sigħat. Newsbook.com.mt jagħti ħarsa lejn xi punti li ħarġu fil-Qorti.

‘Ix-xiħ’

Melvin Theuma li qed jammetti li kien is-sensar fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia qal li r-referenza għax-“xiħ” f’wieħed mir-recordings li ssemmgħet fil-Qorti llum kienet referenza għall-Prim Ministru Joseph Muscat.

Skont ir-recording tat-telefonata li saret fl-14 ta’ Marzu 2019, Melvin Theuma uża l-kliem “ix-xiħ” waqt il-konverżazzjoni. Waqt li kien qed isirlu l-kontro-eżami mill-avukat Jason Azzopardi, Theuma ġie mistoqsi jekk użax il-kliem “ix-xiħ” u jekk iva għal min kien qed jirreferi. Azzopardi qed jidher parte civile għall-familja Caruana Galizia.

Theuma qal li kien qed jirreferi għal Joseph Muscat u li l-kuntest kien fl-għoti tal-ħelsien mill-arrest tal-aħwa Degiorgio.

Ix-xiħ ġejja mill-kelma Arbija ‘Sheikh’ b’indikazzjoni għal xi ħadd superjuri.

‘€75,000 ħariġhom Schembri?’ – Jason Azzopardi

Theuma ġie mistoqsi dwar jekk jafx li l-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri ħariġx €75,000 u li għaddihom lil Yorgen Fenech f’basket tar-Reebok.

Theuma qal li ma kienx jaf b’dan. Jason Azzopardi kien qed jirreferi għal stqarrija li għamel Yorgen Fenech waqt li kien qed jiġi interrogat.

Il-messaġġ li skatta l-bomba

Theuma kkonferma li Yorgen Fenech kien qallu bil-kontenut tal-messaġġ li skatta l-bomba li qatlet lil Daphne Caruana Galizia. Id-diskors sar ftit ġimgħat wara l-assassinju.

Azzopardi qal li sa xhar wara l-assassinju, l-unika persuni li kellhom din l-informazzjoni kienu: il-persuna li bagħat il-messaġġ, l-operatur tal-mobile, u s-servizzi sigrieti. Meta sar jaf bil-messaġġ, ma kienux saru arresti.

‘Kenneth wiegħdni li kienu se jinħelsu mill-arrest’

Wara li Yorgen Fenech u Melvin Theuma kellhom diżgwid, Johann Cremona (li jaħdem ma’ Fenech) u ċertu Kenneth (li kien jaħdem Kastilja) tfaċċaw quddiem id-dar ta’ Melvin Theuma.

Theuma ma staqsiex lil Kenneth min kien bagħatu, imma ċċekja dwar dan aktar tard ma’ Yorgen Fenech. Fenech qal li Keith Schembri kienu bagħatu lil Kenneth.

Theuma kien qed iħoss pressjoni mill-aħwa Degiorgio biex jinħelsu. Theuma staqsa lil Kenneth dwar dan. Saret telefonata u Kenneth informa lil Theuma li t-tlieta kienu se jinħelsu u li kienu se jingħataw €1 miljun kull wieħed.

Theuma staqsieh darbtejn lil Kenneth jekk kellux jinforma lil Mario Degiorgio dwar dan. Kenneth qallu iva.

Fenech qal lil Theuma li ma kienx se jerfa’ responsabbilità għall-ħelsien mill-arrest u għall-ħlas peress li ma kienx hu li ordna dan.

Il-laptop ta’ Daphne Caruana Galizia

Meta ġie rrapportat li l-laptop ta’ Caruana Galizia kien se jinġieb lejn Malta mill-Ġermanja, Theuma staqsa lil Fenech jekk dan kienx tajjeb jew ħażin. Fenech qallu li kienet aħbar tajba għax Caruana Galizia kienet kitbet dwar ħafna nies u li jkun hemm ħafna informazzjoni.

Theuma qal li Fenech qallu li kien hemm ċertezza li l-investigaturi ma kienx se jkollhom ħjiel min kien warajh.

Jason Azzopardi qal li dan id-diskors sar fi żmien meta twaħħlu strixxuni madwar Malta li kienu qed jistaqsu għal-laptop ta’ Caruana Galizia. Dak iż-żmien il-kabinett kien qed jiddiskuti jekk għandux jagħti maħfra presidenzjali lil wieħed mit-tliet irġiel akkużati bil-qtil tal-ġurnalista. Dan kien Vince Muscat (il-Koħħu).

Qatt ma applika għal xogħol mal-gvern

Theuma qal li qatt ma applika għax-xogħol li ngħata mal-gvern.

Spejga li qallhom li kien xufier u li ma kienx se jkun jista’ jagħmel dan ix-xogħol ġdid.

Theuma qal li l-intervista li saritlu damet ħames minuti. Staqsewh jekk jafx jibgħat email.

Theuma ltaqa’ ma’ Tony Muscat, jum wara l-laqgħa ma’ Keith Schembri u Sandro Craus.

Issejjaħ għal laqgħa f’Kastilja ftit jiem wara li Fenech allegatament qallu biex jibda jippjana għall-qtil ta’ Caruana Galizia. Theuma beda jaħdem mal-ministeru fl-1 ta’ Mejju 2017, il-ġurnata li fiha ssejħet l-elezzjoni bikrija tal-2017.

‘Kont naf li kienu se jarrestawni’

Theuma qal li kien jaf li kien se jiġi arrestat. Qal li ma kienx jiftakar eżatt minn qallu, però qal li jista’ jkun li qallu Johann Cremona. Theuma qal dan waqt il-kontro-eżami.

Melvin Theuma ngħata maħfra presidenzjali talli jipprovdi informazzjoni.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat kien qal lill-President biex jaħfer lil Theuma.

Waqt ix-xhieda tiegħu llum, Melvin Theuma qal li kien qed jixhed taħt ġurament u li ma setax jigdeb.

F’punt minnhom Theuma staqsa lil Jason Azzopardi jekk kienx qed jimplika li kien qed jigdeb. Qal li kellu jgħid il-verità għax inkella seta’ jitlef il-maħfra.