Xorta waħda tista’ terħilha lejn il-baħar

St John Ambulance Malta u Malta Red Cross qalu li messaġġ li qed jiċċirkola fuq il-midja soċjali li javża lin-nies biex ma jmorrux jgħumu f’diversi bajjiet madwar Malta minħabba mewġ u kurrenti qawwija hu falz.
Ħafna Maltin dalgħodu malli daħlu fuq Facebook sabu avviż jiċċirkola li javża biex illum jevitaw milli jmorru jgħumu l-Għadira, Għajn Tuffieħa, Tas-Sliema u Buġibba minħabba kurrenti qawwija tant li skont l-istess avviż se jkun hemm żewġ bnadar ħomor minflok waħda.
Fi stqarrija St John Ambulance Malta qalet li dan il-messaġġ hu falz filwaqt li r-Red Cross kkonfermat li għalkemm it-temp illum mhux perfett għall-għawm, ma nħarġet l-ebda twissija.
Għaldaqstant hu mportanti li l-għawwiema jsegwu l-bnadar li jitilgħu kuljum u li minn ħin għal ħin jistgħu jinbidlu skont il-qawwa tal-kurrenti.