“Xorta ma tistgħux tibagħtu nies il-Libja”; “Malta dejjem effettiva”

Aġġornat 03:58 PM

Read in English.

Il-Kummissarju għad-Drittijiet Umani tal-Kunsill tal-Ewropa qalet lil Malta li minkejja l-pandemija tal-coronavirus ma tistax tibgħat immigranti l-Libja. Fi tweġiba għal dan il-Prim Ministru Robert Abela qal li Malta dejjem kienet effettiva fis-salvataġġ tagħha.

Il-Kummissarju Dunja Mijatović kitbet ittra lil Abela fil-5 ta’ April.

Qalet li Malta hija obbligata bil-liġi biex tirrispondi b’mod xieraq għal kull sitwazzjoni ta’ emerġenza fuq il-baħar. Żiedet tgħid li l-obbligu għas-salvataġġ jaf ikun hemm anke meta s-sitwazzjoni tkun barra miż-żona ta’ salvataġġ ta’ Malta (SRR).

Qalet li Malta għandha wkoll tinvestiga kull allegazzjoni kredibbli dwar dewmien għal xi salvataġġ jew meta dan is-salvataġġ lanqas ikun sar.

Qalet ukol li Malta m’għandhiex tibgħat in-nies lejn il-Libja. Dan la għandu jsir mill-awtoritajiet Maltin u lanqas minn xi dgħajjes privati. Saħqet li l-Gvern Malti għandu jerfa’ r-responsabbilità jekk dawn l-affarijiet ikunu saru.

Spjegat li tifhem l-isfidi li ġab miegħu l-coronavirus imma li dan ma jfissirx li l-obbligu ta’ Malta biex issalva lin-nies ma jibqax hemm.

Qalet li Malta għandha taħdem ma’ NGOs li jsalvaw lin-nies fil-baħar u mhux theddidhom.

Assigurat li se tkompli ssejjaħ għal aktar solidarjetà mill-pajjiżi membri tal-Kunsill tal-Ewropa ma’ Malta.

Malta kommessa li ssalva l-ħajjiet – Abela

Fir-risposta tiegħu l-PM Robert Abela qal li Malta hija kommessa li ssalva lin-nies fil-baħar. Qal li Malta dejjem irrispondiet b’mod effettiv u urġenti għal kull sitwazzjoni ta’ emerġenza li ġiet notifikata biha.

Madanakollu Abela qal li ma riedx jikkummenta dwar każ fejn qed jiġi allegat li dan ma kienx il-verità. Qal li hemm inkjesta kriminali għaddejja.

Fi kliem il-PM Malta hi taħt pressjoni kbira mill-immigrazzjoni. Qal li kien hemm aktar minn 3,400 li daħlu s-sena l-oħra u li sas-6 ta’ Mejju ta’ din is-sena kienu daħlu 1,201. Spjega li 3,400 dħul f’Malta jkun bħal qisu daħlu 486,000 persuna fl-Italja meta wieħed iqabbel il-popolazzjoniijiet.

Fakkar li Malta għalqet il-portijiet tagħha minħabba l-pandemija.

Skont Abela l-obbligi ta’ Malta skont il-liġi huma li ssalva lid-dgħajjes li jkunu fiż-żona tagħha ta’ salvataġġ.

Abela qal li lest ikompli jaħdem mal-Kunsill tal-Ewropa dwar din il-kwistjoni.

Tista’ taqra l-ittri bl-Ingliż minn hawn:

Abela qed jigdeb dwar il-Qorti Ewropea – Repubblika

L-għaqda Repubblika qalet li l-PM Robert Abela kien qed jibdew dwar il-Qorti Ewropea.

Fl-ittra tiegħu Abela qal li din il-Qorti rrikonoxxiet il-pożizzjoni ta’ Malta li mhix post sigur bħalissa.

Fi stqarrija Repubblika qalet li dan mhuwiex il-każ. Qalet li l-istess qorti ma kkunsidratx it-talba tagħha għal raġunijiet tekniċi. Temmen li l-Qorti għamlet dan peress li l-immigranti kienu diġà ttieħdu l-Libja u li kien tard wisq biex il-miżura interim ikollha xi effett.

L-għaqda ppubblikat il-korrispondenza tal-Qorti.