“Xorta kien ikollna s-surplus, anki mingħajr l-iskema tal-passaporti” – il-Ministru

Il-Ministru għall-Finanzi, Edward Scicluna, qal li jemmen li anki kieku Malta m’addottatx l-iskema ta’ bejgħ tal-passaporti b’investiment, xorta l-Gvern kien jesperjenza surplus.
“Ma jistax ikollok suċċess mingħajr riformi, u dan il-Gvern introduċa riformi differenti sa mill-ewwel ġranet li ħa t-tmexxija”, sostna l-Ministru Scicluna waqt laqgħa konġunta dalgħodu bejn il-MUESAC u l-MCESD, li kienu qed jiddiskutu l-Programm Nazzjonali għar-Riformi fl-2018.
Sostna li s-settur pubbliku waħdu kien ikun kapaċi jiġġenera surplus fil-Fond Konsolidat tal-Gvern, anki mingħajr il-programm taċ-ċittadinanza.
Il-Gvern kien ħoloq il-Fond għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (NDSF) li jamministra l-flus li jidħlu mill-bejgħ tal-passaporti, u skont statistika tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO), fl-2016 dal-fond laqa’ fih €163.5 miljun miċ-ċittadinanzi.
Skont statististiċi li jippubblika kull tliet xhur l-NSO, il-flus imdaħħla mill-iskema tal-passaporti dejjem ikunu minn ta' quddiem mal-għejjun ewlenin għad-dħul tal-Gvern, mal-flus miġbura mit-Taxxa fuq id-Dħul u t-Taxxa fuq il-Valur Miżjud.
L-iskema tal-bejgħ taċ-ċittadinanza b’investiment kienet iddaħħlet minn Gvern Laburista ftit tal-jiem wara li ħa t-tmexxija tal-pajjiż, u fost l-oħrajn kienet ikkritikata għax ma kinitx fil-manifest elettorali tal-2013.
Sadanittant, illum ċifri ġodda tal-Eurostat urew li mill-2015 għall-2016, il-bejgħ taċ-ċittadinanza Maltija b’investiment aktar milli rdoppja.
Fl-2016 1,495 persuna akkwistat iċ-ċittadinanza Maltija, u dan kien ifisser żieda ta’ 131% fuq is-sena ta’ qabel.
Is-suġġett tal-laqgħa ta’ dalgħodu, il-Programm Nazzjonali għar-Riformi fl-2018, irid isir minn kull pajjiż fl-Unjoni Ewropea, sabiex jipu assessjati r-riżultati makroekonomiċi tal-pajjiż, u jsir tbassir.
Fost l-oħrajn, il-Ministru Scicluna qal li l-konsum privat f’Malta żdied minn 3% għal 4.3% mill-2013 għall-2016, u l-qgħd naqas minn 6.4% fl-2013 għal 4% fl-2017.