Ebda rapport dwar xorb eċessiv fil-festi, 2 arresti fuq ġlied

Ma saru l-ebda rapporti lill-Pulizija dwar xorb eċċessiv waqt il-marċi tal-festi matul l-aħħar ħames snin.
Ma’ Newsbook.com.mt l-Assistent Kummissarju tal-Pulizija Sandro Gatt qal, li għalkemm fil-marċijiet ikun hemm diversi nies li jidhru li jkunu taħt l-effett tal-alkoħol, ħadd minnhom ma ħoloq xi problemi.
Minkejja dan, fl-aħħar ħames snin, il-Pulizija arrestat żewġ persuni waqt il-festi u ressqithom il-Qorti. Spjega li minkejja dawn ġew arrestati fuq ġlied, il-persuni involuti kienu xurbana.
Sandro Gatt spjega kif saħansitra wieħed minnhom ġie ordnat li ma jersaqx lejn il-konfini tal-festi.
Waqt il-marċi tal-festi, il-Pulizija assistiet f’erba’ każi ta’ ġlied, tnejn fl-2015 u wieħed fl-2016 u fl-2017.
F’liema festi l-aktar li jinqala’ l-inkwiet?
L-Assistent Kummissarju żied jgħid li l-festi li fihom ġieli nqala’ xi inkwiet huma fiż-Żurrieq, fl-Imqabba, fil-Qrendi, f’Ħal Kirkop, f’Ħal Safi, fiż-Żejtun, f’Ħal Għaxaq, fil-Gudja, f’Birżebbuġa, f’Marsaxlokk, fil-Kottonera, fil-Kalkara u f’Wied il-Għajn.
“Ir-rotot tal-marċijiet jiġu maqbula mal-każini”
L-Assistent Kummissarju spjega li qabel il-festa jsiru diversi laqgħat mas-segretarju rispettiv tal-każin tal-banda, fejn jiġu diskussi r-rotot tal-marċ u kundizzjonijiet oħra. Qal li dan il-ftehim isir bi qbil bejn il-każini fejn ikun hemm aktar minn wieħed.  
Stqarr li l-ftehim jinkludi wkoll il-ħin ta’ kemm il-marċijiet jistgħu jdumu quddiem il-każini ta’ xulxin.  Spjega li f’każ li ma jintlaħaqx ftehim, ma jkunux jistgħu jgħaddu minn quddiem xulxin. Żied jgħid li waqt il-marċ ħadd ma jista’ joqgħod fuq il-bejt tal-każin.
Dwar il-ħinijiet tal-marċijiet, Sandro Gatt qal li ta’ matul il-ġimgħa ma jistax jaqbeż it-tliet sigħat, filwaqt li tal-Ħadd idum siegħa aktar.
“Ma jistgħux iqabblu tgħajjir li joffendi”
Spjega li xħin il-marċ tal-każin oppost ikun għaddej minn quddiem l-avversarju, fuq l-għatba tal-każin ma jista’ joqgħod ħadd għajr membri tal-kumitat tal-istess każin u pulizija. Saħaq li dak il-ħin ma jistax isir taqbil li joffendi lill-partitarji opposti.