Il-każ tal-air ambulance f’Għawdex hu tat-tkexkix – Delia

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal li l-każ tal-air ambulance f’Għawdex fejn persuna tilef ħajtu minħabba dewmien biex jintbagħat Malta huwa tat-tkexkix. Huwa qal li dan il-każ huwa tal-biża’ u ċertament għall-familjari tal-vittma dan żgur mhux l-aqwa żmien. Huwa qal li l-Gvern falla b’mod totali fil-qasam tas-saħħa f’Għawdex.

Waqt li kien qed jitkellem fid-djalogu fis-Sannat, Għawdex, Adrian Delia qal li l-Gvern għażel li jittradixxi lill-Għawdxin u begħilhom saħħithom lill-ewwel skarpan biex jaqla’ xi ħaġa tal-flus mingħand il-Vitals.

Għalhekk, l-Partit Nazzjonalista mar il-Qorti, biex jikkanċella l-kuntratt li ngħata lil Vitals u l-jerġa’ jgħaddi l-Isptar lura lill-Għawdxin.

Dwar id-Demmiela fil-Munxar, Delia qal li l-Gvern għadu ma ħax deċiżjoni dwar il-proġett u l-Partit Nazzjonalista mhux se jippermetti l-Munxarin jgħaddu minn din it-trawma.

Dr Delia qal li filwaqt li jfaħħar l-inzjattiva tal- Kurja t’Għawdex dwar l-hostels f’Malta għal Għawdxin, fl-istess ħin qal li l-istudenti Għawdxi qed jiġu trattati bħala studenti tat-tieni klassi. Huwa qal li l-Partit Nazzjonalista fil-Gvern jagħti lill-istudenti Għawdxin l-istess opportunita’ li jgawdu studenti Maltin.

Huwa qal li l-membru parlamentari Socjalista Ana Gomes ikkonfermat li l-aġenzija ta’ kontra l-ħasil tal-flus fil-Latvja kienu bagħtu lill-FIAU Maltija informazzjoni dwar is-sidien tal-kumpanija 17 Black wara talba għall-għajnuna fl-investigazzjoni. Delia żied li l-Gvern għażel li ma jagħmel xejn għas-skapitu tar-reputazzjoni tas-settur finanzjarju f’pajjiżna.

Dwar l-Indipendenza, Delia qal li dan hu l-mument fl-istorja fejn il-pajjiż ħa t-tmexxija f’idejh. Issa, Delia qal li erġajna ġejna f’punt fejn il-poplu jrid jerġa jikseb lura f’idejh t-tmexxija ta’ pajjiżna.

€11-il miljun fil-bwiet tan-nies, mhux daħk fil-wiċċ – PL

Fi stqarrija li ħareġ il-Partit Laburista, qal li l-€11-il miljun li se jmorru fil-bwiet tan-nies mhux daħk fil-wiċċ. Dan wara li dalgħodu l-Kap tal-Oppożizzjoni kkritika lill-Gvern dwar din l-inizjattiva.

Il-Partit Laburista qal li b’din ir-rifużjoni tat-taxxa, l-Gvern beda jwettaq il-wegħda elettorali li għandu mandat għaliha. Il-Partit Laburista qal li Delia kien negattiv u distruttiv fi kliemu filwaqt li qal li l-pajjiż mhux normali u li kulħadd hu korrott. Skont il-Partit Laburista, din hija ħasra għax ċeda għall-istess politika li mexxew biha l-mexxejja ta’ qablu.