Read in English.
Dalgħodu diversi qamu xxukkjat għall-aħbar tal-mewt għall-għarrieda ta’ Lynden Fenech mill-Imqabba, li fid-29 ta’ Frar kien għadu kemm għalaq 20 sena. Hu miet ilbieraħ.
Kull min ikkummenta jew tella’ ritratt tiegħu fuq Facebook ma kellu xejn ħlief kummenti sbieħ x’jgħaddi dwar iż-żagħżugħ. Huma ddeskrivewh bħala żagħżugħ ta’ qalb tajba u b’karattru ġentili.
Is-Savio College, fejn kien jattendi ż-żagħżugħ fil-passat, esprima d-dieqa tiegħu permezz ta’ post fuq Facebook. Il-kulleġġ iddeskriva lil Lynden bħala żagħżugħ ta’ qalb tajba u li kien maħbub minn ħafna. Il-komunità edukattiva tal-kulleġġ għaddiet il-kondoljanzi tagħha lill-familja.
Fost il-kummenti kien hemm dak li kien fil-pożizzjoni ta Kap tal-Iskola sekondarja tas-Savio College meta Lynden kien għadu student hemm. Hu qal li jiftakar fil-karattru ġentili ta’ Lynden. Intant studenti li qasmu s-snin skolastiċi tagħhom miegħu qalu li qatt m’huma se jinsew il-memorji li kellhom flimkien.
L-għaqda tal-Istudenti Demokristjani Maltin (SDM) qalet li tinsab ixxukkjata bl-aħbar tal-mewt tal-istudent li kien jattendi l-Junior College u li pparteċipa f’diversi avvenimenti tal-għaqda. Qalet li b’rispett lejh se tkun qed tissospendi l-attivitajiet kollha relatati mal-elezzjoni sat-3pm.