Xokk irjali: Kate aktar popolari minn Meghan Markle

Kate, id-Dukessa ta’ Cambridge, ġabet fix-xejn fil-popolarità lil Meghan Markle meta sar stħarriġ minn ġurnal nazzjonali Ingliż dwar min hi l-aktar persuna popolari mill-Familja Rjali.

Kate, ta’ 37 sena, kienet sew fuq quddiem Meghan, ta’ 37 sena wkoll, minkejja li d-Dukessa ta’ Sussex kienet ħafna fl-aħbarijiet wara t-twelid tal-ewwel wild tagħha Archie Harrison ix-xahar li għadda. Kate irċeviet 31 fil-mija tal-voti waqt li Meghan kellha 6 fil-mija biss tal-voti mitfugħa. B’kollox ivvutaw 4,792 ruħ.

L-aktar persuna li ġabet voti kienet ir-Reġina Eliżabetta, bi 42 fil-mija, li ġurnata qabel ma saret il-votazzjoni fakkret għeluq it-93 sena tagħha fiċ-ċerimonja tat-Trooping the Colour.

Il-Prinċep William, ta’ 36 sena u l-Prinċep Harry, ta’ 34 sena, spiċċaw l-ewwel ħames postijiet meta ġabu 5 fil-mija tal-voti t-tnejn li huma u spiċċaw wara Meghan.

Il-Prinċep Charles kellu 2 fil-mija tal-voti waqt li d-Duka ta’ Edinburgh, li llum it-Tnejn 10 ta’ Ġunju, jagħlaq 98 sena, kellu 1 fil-mija biss tal-voti.

Ta’ min ifakkar li qabel ma sar dan l-istħarriġ il-magażin Vogue kien ħabbar li Meghan kienet fost l-aktar 25 Nisa Influwenti tal-2019 waqt li Kate ma deheritx f’din il-lista. Meghan kienet deskritta bħala rivoluzzjonarja u prinċipessa moderna għax-xogħol tagħha fost il-karitajiet, l-impatt tagħha fuq l-industrija tal-moda u talli saret xempju għall-ġenerazzjoni żagħżugħa.