“Xogħolkom kruċjali, imma se tlaqqtu l-kritika” – PM

Il-Prim Ministru, Joseph Muscat, qal lill-parteċipanti nisa fil-programm LEAD li se jkunu minn tal-ewwel li jlaqqtu l-kritika, iżda issa xogħolhom se jkun aktar kruċjali.
Dan qalu meta kien qed jindirizzahom fl-ewwel sessjoni tal-LEAD, l-inizjattiva tal-Partit Laburista mmirata biex tattira aktar nisa fil-politika.
Dr Muscat qal li permezz ta’ din l-inizjattiva n-nisa miġbura quddiemu se jgawdu minn miżuri pożittivi minħabba l-kwoti, filwaqt li żied jgħid li huwa konxju li hemm sezzjoni fis-soċjetà li ma taqbilx ma’ dawn il-bidliet.
“Irridu nikkonvinċu għaliex din hi l-aħjar triq ’il quddiem. Il-programm jismu LEAD u intom se tkunu pijunieri fl-immedjat,” qal lill-parteċipanti.
Il-Mexxej tal-Partit Laburista fisser kif l-idea prinċipali ta’ LEAD kien li wieħed jiftaħ il-bibien biex persuni li sa issa żammew pass lura jkollhom opportunità.
“Irridu naslu f’sitwazzjoni fejn id-deċiżjonijiet ikunu maqsuma bejn is-soċjetà kollha,” temm jirrimarka Dr Muscat.