Xogħlijiet għall-junction fil-Kappara, fil-mini ta’ Santa Venera u s-Saqqajja

Transport Malta qalet li se jkompli x-xogħol preparatorju għal proġett tal-junction fil-Kappara.
Għaldaqstant, Triq Reggie Miller fil-Ġżira, se tkun magħluqa għat-traffiku fiż-żewġ direzzjonijiet minn għada 12 ta’ Jannar sal-Ġimgħa 25 ta’ Marzu.
Se jingħata aċċess lir-residenti, stabbilimenti u għad-dar residenzjali Zammit Clapp.
Fi stqarrija oħra, l-Awtorità qalet li se jsir xogħol fuq is-sinjali elettroniċi tat-traffiku fil-mini ta’ Santa Venera illejla bejn id-9:00 ta’ filgħaxija u l-5:00 ta’ filgħodu.
Matul dan il-ħin, it-traffiku f’dawn il-mini direzzjoni lejn Raħal Ġdid, se jgħaddi minn karreġġjata waħda.
Transport Malta qed tavża wkoll li wara x-xogħol ta’ manutenzjoni li sar f’wiċċ it-triq fit-Telgħa tas-Saqqajja r-Rabat, din it-triq se tkun magħluqa għat-traffiku fiż-żewġ direzzjonijiet illejla bejn id-9:00 ta’ filgħaxija u l-5:30 ta’ filgħodu.
Dan biex jitkompla x-xogħol ta’ żebgħa fuq il-linji tat-traffiku f’din it-triq.
L-Awtorità tavża li fejn hu possibli is-sewwieqa għandhom jevitaw iż-żona f’dawn il-ħinijiet u mitluba jsegwu s-sinjali u l-istruzzjonijiet tal-uffiċċjali.
Transport Malta tiskuża ruħha għal kull inkonvenjent.