Xogħol wieqaf fuq il-ħajt tal-Palazz ta’ San Anton minħabba ħsarat kbar

Ix-xogħol li kien qed isir fuq il-ħajt tal-Palazz ta’ San Anton kellu jieqaf minħabba li l-ħsarat ikkawżati mill-maltemp kienu ikbar minn dak mistenni.
Dan ġie kkonfermat ma’ Newsbook.com.mt mill-kelliema għall-Uffiċċju tal-President ta’ Malta, li spjegat li x-xogħol qed isir mid-Direttorat tar-Restawr tal-Gvern biex jissewwa l-ħajt li waqa’ bil-maltemp lejn l-aħħar tas-sena li għaddiet.
Il-kelliema għall-President qalet li għal dan il-għan, il-kuntrattur ġie mitlub biex jagħti stima pro-rata tax-xogħol li se jkollu jsir minħabba l-ħsara kbira li saret.  Sostniet li x-xogħol se jitkompla dalwaqt.
Qarrejja ta’ Newsbook.com.mt qalu li kawża tal-iscaffolding, Triq Sant’Antnin djieqet u tneħħiet mera li kien hemm mal-ħajt tal-Palazz. Jinsabu wkoll imħassba li dan wassal biex żdied il-periklu għas-sewwieqa li jkunu ħerġin min-naħa ta’ Ħal Lija. 
Il-Kunsill Lokali ta’ Ħ’Attard kien qal li x-xogħol kien mistenni jitlesta fid-29 ta’ Diċembru.