Xogħol ta’ tiswija fis-sistema tad-drenaġġ f’Għawdex fiż-żmien li ġej

Read in English.

Fiż-żmien li ġej se jkun qed jinbeda xogħol ta’ tiswija fis-sistema tad-drenaġġ f’Għawdex.

Dan ħabbritu l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma fejn spjegat li l-outfall mill-impjant tilef l-aħħar 35 metru minħaba r-rimi illegali fis-sistema tal-korporazzjoni matul is-snin. Ġie spjegat li dan illimita il-punt tar-rimi tiegħu minn madwar 90 metru għal madwar 40. Intqal li se jiġu installati wkoll difużur u li x-xogħlijiet se jiġu jiswew mal-€500,000.

Il-Korporazzjoni qalet li l-proċess se jibda fil-21 ta’ Awwissu fil-Boiler Wharf b’tagħmir speċjalizzat ħafna li jiġi mgħobbi fuq il-barka prinċipali li minnha jitwettqu x-xogħlijiet. Imbagħad, ix-xogħol fuq l-outfall se jibda fl-24 ta’ Awwissu u se jitlesta fi żmien 10 ijiem. Se ssir ukoll demobilazzjoni, inkluż dekompressjoni għall-għaddasa li mistennija tieħu ħamest ijiem oħra. Ingħad ukoll li l-ħidma se tkun qed issir minn 18-il ħaddiem b’ħiliet speċjalizzati inkluż tim ta’ 10 għaddasa barranin.

Il-Korporazzjoni spjegat li t-tagħmir jinvolvi barkun motorizzat, barkun ċatt mhux immotorizzat, u support tugboat. Se tiġi mmuntata sistema ta’ saturazzjoni li tiżgura s-sigurtà tal-għaddasa. Dan jinkludi struttura f’għamla ta’ qanpiena li tippermetti lill-għaddasa biex jitilgħu minn fond ta’ madwar 80 metru u jidħlu f’kamra ta’ dekompressjoni. Fuq il-barka se jitgħabbew ukoll, tliet djar tal-kontejners, żewġ ġeneraturi, u tagħmir ieħor għall-għads. L-itqal oġġett huwa l-kamra iperbarika (hyperbaric chamber) li tiżen 18-il tunnellata. It-tagħmir li qed jintuża jiżen madwar 30 tunnellata. Il-hyperbaric chamber se tkun ir-residenza għall-żewġ għaddasa għal madwar 5 ijiem, li fiha jkollhom it-tagħmir kollu tas-sigurtà u l-kumditajiet bażiċi.