Xogħol ta’ restawr fuq l-arena ta’ Ħaż-Żabbar

Il-Kummissjoni tal-Ippjanar tat permess biex tiġi restawrata l-arena fil-miftuħ u l-palk tagħha f’Ħaż-Żabbar. Il-post huwa propjetà tal-Każin tal-Banda tal-Grazzja.
Ix-xogħol ta’ restawr li jrid isir fuq il-palk u l-proxenju tal-ġebel huwa minimu minħabba li għadhom f’kundizzjoni tajba.  Dan minkejja li ilhom esposti għall-elementi għal iktar minn 60 sena.
Is-saqaf, li hu magħmul mix-xorok,  jinsab f’kundizzjoni ħażina ħafna. Dan minħabba li daħal l-ilma tax-xita. Ħafna minnu se jkollu jinbidel.
Il-palk li hu l-uniku wieħed tat-tip tiegħu f’Malta, ġie mibni fil-ħamsinijiet.
L-arena li tesa’ 400 ruħ, kienet ġnien ta’ residenza tas-seklu 19 fi Triq is-Santwarju. Kienet tintuża bħala ċinema fil-miftuħ kif ukoll bħala spazju teatrali magħruf bħala l-Blue Arena.