Xogħol Mangion mhux biss li jsib garaxx – il-Ministru Bonnici

Il-Ministru Owen Bonnici, fi tweġiba għal Mistoqsija Supplimentari llejla fil-Parlament, wieġeb li xogħol il-kantant William Mangion “mhuwhiex biss li jsib garaxx għall-bands” imma jmur lil hinn minn hekk. Għalkemm ma ssemmiex isem il-kantant, numru ta’ Mistoqsijiet Parlamentari u t-tweġibiet tagħhom ma jħallu ebda dubju għal min kienu qed jirreferu.
Il-Ministru responsabbli mill-Kultura wieġeb għal mistoqsija supplimentari  li saret wara mistoqsija mid-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi lill-Prim Ministru, dwar jekk id-Dipartiment tal-Artijiet ġiex ikkonsultat biex jinstab post fejn bands Maltin ikunu jistgħu jagħmlu l-provi tagħhom wara li l-Gvern qabbad persuna biex jagħmel dan.
Bonnici saħaq li biex jinstab post adegwat għall-bands jeħtieġ l-esperjenza ta’ persuna li rnexxielha tikseb suċċess fil-qasam mużikali għaliex hu jaf, iktar minn ħaddiema fi ħdan id-Dipartiment tal-Artijiet, x’jeħtieġ spazju bħal dan. Qal li jkun biss “karikatura” jekk wieħed jinsisti li xogħol l-individwu mqabbad mill-Gvern hu biss li jsib garaxxijiet.
Qal li l-Gvern qed jesplora żewġ siti li bħalissa qed jevalwa għal dan il-għan. Semma’, fost l-oħrajn, il-ħolqien ta’ database b’informazzjoni dwar 371 artist Malti nvolut f’rock bands, eżerċizzju li hu ddeskrivih bħala wieħed li sar għall-ewwel darba. Qal li l-Gvern irid jesponi dan it-talent b’festivals fl-irħula.
Bi tweġiba għal intervent ta’ Jason Azzopardi, li Gvern preċedenti kien identifika żona għaż-żgħażagħ, Owen Bonnici qal li l-Gvern qed iħares lejn il-qalba ta’ Strada Stretta fil-Belt Valletta bħala żona kulturali filwaqt li rrefera għal spazju fil-Forti ta’ Sant’Iermu li se jintużaw għall-Malta Arts Festival ta’ din is-sena li jibda llum.