Xogħol lejl u nhar fit-triq prinċipali ta’ Ħal Lija għall-4 ġimgħat li ġejjin

It-triq li mir-roundabout ta’ Ħal Lija twassal saċ-ċimiterju ta’ Ħal Lija minn nhar il-Ġimgħa se tingħalaq għall-erba’ ġimgħat li ġejjin biex fiha jsir xogħol, lejl u nhar, biex tissolva l-problema tad-drenaġġ fl-inħawi.
Il-Ministru tal-Infrastruttura Joe Mizzi qal li din il-problema ilha teżisti għexieren ta’ snin.
Il-Gvern irid isolviha minħabba li qed toħloq diffikultajiet għall-proġett tat-taffija tal-għargħar hekk kif kwantità ta’ ilma ta’ drenaġġ qed jidħol fil-mini mibnija taħt l-art.
Jekk ma jkunx hemm kumplikazzjonijiet, ix-xogħlijiet mistennija jintemmu qabel il-Milied.
Filwaqt li rrikonoxxa l-inkonvenjent li se jinħoloq bl-għeluq tat-triq, Joe Mizzi qal li dan hu meħtieġ biex finalment igawdi kulħadd.
Ix-xogħol jinvolvi t-tħaffir ta’ trinek fuq tul ta’ 200 metru u jinżel fond ta’ massimu ta’ żewġ sulari. Waqt li t-triq se tkun magħluqa, se jsiru xogħlijiet oħra fosthom bdil ta’ bankini biex ikunu aċċessibbli għal persuni b’diżabilità. Il-Ġimgħa filgħodu se jitwaħħlu tabelli fit-toroq biex jinformaw lill-pubbliku dwar id-devjazzjonijiet tat-traffiku.
Ritratt: DOI – Pierre Sammut