“Xogħol l-Isqof mhux li jibża’ jew jaħrab imma li jiddefendi l-merħla” – L-Arċisqof

L-Arċisqof Charles Scicluna saħaq li xogħlu mhux li jibża’ jew jaħrab imma li jiddefendi l-merħla tiegħu dejjem u kullimkien u quddiem kulħadd, mingħajr biża’ u mingħajr ma jħares lejn uċuh.
Waqt Quddiesa fl-għeluq l-1950 anniversarju mill-martirju ta’ San Pietru Appostlu, Mons. Scicluna stqarr li bħal Kristu hu jrid li jaħsel saqajn id-dixxipli u tenna biex iħalluh ukoll juri l-imħabba tiegħu lejn il-poplu.
Saħaq li mhux xogħlu li jiskot jew li jagħmilha taparsi ma jarax, u lanqas hu xogħlu li jsodd widnejh għall-karba ta’ min għandu bżonn l-għajnuna.
"Nitolbu għal min lill-Knisja jixtieqha fil-ktajjen tas-silenzju" – L-Arċisqof
L-Arċisqof Scicluna ħeġġeġ biex il-poplu jitlob għal min lill-Knisja jixtieqha fil-ktajjen tas-silenzju għaliex dak li tgħid ma jogħġbux.
Appella għat-talb biex kif Ġesù ħeles lil San Pietru mill-ktajjen tal-għedewwa tal-Knisja, hekk ukoll il-Mulej, ibiegħed mill-Knisja, mir-rgħajja tagħha, il-ktajjen ta’ min jobgħodha.
Saħaq li ma jgħoddx min iċapċpilha, imur fuq il-bankijiet tal-knisja u jitqarben, imma jgħodd kemm wieħed isegwi t-tagħlim ta’ Ġesù. Tenna li jagħmlu x’jagħmlu u jgħidu x’jgħidu, il-Knisja hija dik il-blata li “s-setgħat tal-infern ma jegħlbuhiex”.
L-Arċisqof appella wkoll għat-talb għall-Papa għax fi kliemu, il-Papa wkoll irid jgħaddi mit-tbatijiet li għadda minnhom San Pitru. Tenna li ħafna drabi l-Papa għandu bżonn it-talb tal-Knisja biex jinħeles mill-ktajjen tal-inganni, tal-mibegħda, tal-kalunja u ta’ min irid ifixklu fil-ministeru tiegħu.
Temm il-ħsieb tiegħu bi stedina biex il-poplu jitlob ħalli l-Knisja tkun dejjem soda fuq ix-xhieda ta’ San Pietru.
Ritratt: arkivji