Xogħol illegali fil-proġett tal-Marsa

Read in English.

Fl-aħħar xhur waqt ix-xogħlijiet infrastrutturali fuq il-Pont tal-Marsa sar xogħol li jmur kontra r-regolamenti tas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-post tax-xogħol.

Seba’ flyovers mingħajr traffic lights fil-junction tal-Marsa

Dan ġie kkonfermat ma’ Newsbook.com.mt mill-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) kif ukoll minn Infrastructure Malta.

Din il-kamra tal-aħbarijiet bagħtet ritratti liż-żewġ entitajiet, liema ritratti jindikaw li xi ħaddiema fuq il-Pont tal-Marsa ma kinux lebsin harness, jew inkella l-harness li kienu lebsin ma kien marbut ma’ mkien. Ir-ritratti ttieħdu f’Lulju li għadda.

Filwaqt li l-OHSA rrimarkat li hija prekluża mil-liġi li tagħti informazzjoni dwar każijiet li tkun investigat jew li tkun qed tinvestiga, Infrastructure Malta stqarret li t-tekniċi tagħha kienu diġà familjari mal-każ.

X’passi tieħu Infrastructure Malta?

Kelliem għal Infrastructure Malta spjega ma’ Newsbook.com.mt li meta jkun hemm ċirkostanzi fejn jiġu nnutati li x-xogħlijiet jistgħu jsiru b’mod aktar sigur, bħalma seħħ f’dan il-każ, ix-xogħlijiet jitwaqqfu sakemm jiġi żgurat li l-ħaddiema jkunu qed jieħdu l-prekawzjonijiet kollha possibbli.

Żied jgħid li dan dejjem skont iċ-ċirkostanzi partikolari tas-sitwazzjoni u skont il-proċeduri u l-istandards internazzjonali stabbiliti. Fisser li x-xogħol ikompli biss meta jkunu ttieħdu l-miżuri meħtieġa.

Il-kelliem irrimarka li Infrastructure Malta tinsisti mal-kuntratturi tagħha biex jieħdu kull miżura possibbli biex kemm jista’ jkun jitnaqqsu r-riskji ta’ inċidenti.

Spjega li fil-każ tal-Marsa Junction Project u f’kull proġett maġġuri ieħor li qed twettaq, Infrastructure Malta jkollha tim ta’ esperti fil-qasam tas-saħħa u s-sigurtà, li kontinwament isegwu l-andament tax-xogħol, biex ikun żgurat li saħħet il-ħaddiema u dawk li jkunu qed jużaw it-toroq jew li jkunu jgħixu fl-inħawi, tkun imħarsa bl-aħjar mod.

Fisser li dan it-tim ta’ esperti jkun imqabbad b’mod indipendenti, sabiex jagħti pariri lill-kuntrattur tal-proġett u fl-istess waqt iżomm lil Infrastructure Malta aġġornata dwar l-andament tas-saħħa u s-sigurtà fuq is-sit. Fl-istess waqt il-kuntrattur ukoll iqabbad tim ieħor ta’ esperti tas-saħħa u s-sigurtà biex jaħdem id f’id mal-ħaddiema kollha fuq is-sit u mal-esperti mqabbda minn Infrastructure Malta.

Fi kliem il-kelliem, iż-żewġ timijiet ta’ esperti jkunu fuq is-sit kuljum biex jispezzjonaw il-metodi tax-xogħol li jkunu għaddejjin. Barra minn hekk, l-uffiċjali u l-periti ta’ Infrastructure Malta li huma responsabbli mill-proġett iżommu kuntatt regolari mal-esperti inkarigati mill-aġenzija u dawk tal-kuntrattur, biex jiddiskutu x’miżuri għandhom jittieħdu biex kontinwament titjieb is-sigurezza fuq is-sit tal-proġett.

X’jinvolvi dan il-proġett?

Dan il-proġett li jiswa €70 miljun b’finanzjament mill-Unjoni Ewropea, jikkonsisti f’seba’ flyovers, u aktar minn 12-il kilometru ta’ korsiji ġodda, li se jgħaddu b’mod separat minn fuq xulxin fi tliet livelli differenti. Dawn se joħolqu konnessjonijiet diretti, kemm lejn it-tramuntana kif ukoll lejn in-nofsinhar, bejn Triq Aldo Moro, Vjal Sir Paul Boffa, Vjal Santa Luċija, Triq Giuseppe Garibaldi u Triq il-Marsa (lejn Ħal Qormi).

Skont Infrastructure Malta dan se jwassal biex jiġu eliminati l-ħin ta’ stennija li kien ikun hemm tul din ir-rotta prinċipali lejn in-naħa t’isfel ta’ Malta minħabba d-dwal tat-traffiku, u jonqsu l-emissjonijiet ikkaġunati mill-konġestjoni tal-Malta u lokalitajiet oħra fil-madwar.

Se jiġu introdotti wkoll faċilitajiet ġodda għal mezzi alternattivi ta’ trasport, fosthom bankini u korsiji għar-roti, pontijiet għall-mixi, waqfiet u korsiji għall-karozzi tal-linja, żona ta’ park and ride u żoni ġodda msebbħin bis-siġar u l-pjanti

Taħt il-flyovers, Infrastructure Malta qed tgħaddi aktar minn 15-il kilometru f’cables u katusi għad-distribuzzjoni tas-servizzi tal-elettriku, ilma, drenaġġ, internet u telekomunikazzjoni minn taħt l-art.

Qed titħejja wkoll sistema għall-ġbir tal-ilma tax-xita li tinkludi l-bini ta’ ġibjun ġdid. L-ilma tax-xita mill-ġibjun se jintuża għat-tisqija tas-siġar u żoni ġodda msebbħin b’siġar u pjanti li l-aġenzija qed tagħmel fl-inħawi bħala parti mill-istess proġett.

Filmat: L-ewwel 2 pontijiet minn 7 fil-Marsa

Fiex wasal il-proġett?

Ilbieraħ Infrastructure bdiet tħejji struttura oħra tal-azzar. Tnejn mis-seba’ flyovers se jinfetħu sa Jannar 2020, u tnejn oħra f’Marzu. Id-dwal tat-traffiku tal-Addolorata se jitneħħew sal-aħħar ta’ Jannar.

Ara kif tista’ ssegwi l-flyovers tal-Marsa

Is-sajf li għadda, ftit passi ‘l bogħod mill-Junction tal-Marsa, ġurnalist ta’ Newsbook.com.mt ġie mhedded minn wieħed mill-ħaddiema, li qallu li jekk jibqa’ jieħu r-ritratti se jkissirlu l-kamera. Dan meta kien qed jirrapporta demostrazzjoni simboli minn attivisti żgħażagħ minħabba li tqaċċtu għadd ta’ siġar bħala preparazzjoni għall-proġett.

Ġurnalist ta’ Newsbook mhedded f’demostrazzjoni kontra t-tqaċċit tas-siġar