​Xogħol fuq tlett idjar għall-persuni b’diżabilità

Bħalissa għaddej xogħol ta’ kostruzzjoni fuq tlett idjar fil-komunità għall-persuni b’diżabilità, li jinsabu Pembroke, il-Marsa u Ħaż-Żabbar.  Dawn id-djar mistennija jiswew ftit aktar minn nofs miljun ewro u se jilqgħu 17-il resident. Ix-xogħol jinsab fi stat avvanzat.
Ir-residenza f’Pembroke se tilqa’ tfal b’challenging behavior.
Ir-residenza fil-Marsa mistennija tilqa’ persuni adulti li għandhom diżabilità severa.
Ir-residenza ta’ Ħaż-Żabbar se tilqa’ persuni b’diżabilità varja però bl-istess bżonnijiet.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Persuni b’Diżabilità Anthony Agius Deceleis żar it-tlett idjar, fil-preżenza ta’ membri tal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilità u Aġenzija Sapport, li spjegaw kemm hi importanti l-aċċessibilità f’dan is-settur.
Il-proġett pilota Making Homes Fun
Sadanittant, is-Segretarju Parlamentari attenda għall-għeluq tal-proġett pilota Making Homes Fun, fid-dar residenzjali tal-Imsida.
L-għan tal-proġett kien li jżid l-opportunitajiet għar-residenti biex jinvolvu ruħhom f’attivitajiet varji skont il-preferenzi u l-abbiltajiet tagħhom.
Dan il-proġett wassal biex jiġu identifikati l-impjegati li se jgħinu fl-organizzazzjoni tal-attivitajiet.
Ir-residenti kellhom l-opportunità li jkunu involuti f’għadd ta’ attivitajiet fir-residenza tagħhom fosthom: tisjir, eżerċizzju fiżiku, tisbiħ tad-dar u tal-ġnien, diskussjonijiet fuq l-esperjenzi tagħhom, mixjiet u lejliet ta’ mużika u ta’ divertiment.
Ritratti: DOI