Xogħol fuq Kappara Junction jibda sa Ġunju

Ix-xogħol fuq il-Kappara Junction mistenni jibda sa Ġunju li ġej u l-proġett hu ppjanat li jkun lest sa Diċembru 2017.
Dan qalu l-Ministru għat-Trasport Joe Mizzi fi tweġiba għall-mistoqsija tad-Deputat Nazzjonalista Kristy Debono.
Mizzi spjega li preżentement Transport Malta qed tħejji t-toroq tal-madwar li se jkunu qed jieħdu parti mit-traffiku li llum jgħaddi minn din it-triq ewlenija.
Huwa spjega li waqt ix-xogħlijiet, partijiet minn Triq Mikiel Anton Vassalli se jinżammu miftuħa għat-traffiku, iżda se jkun hemm tnaqqis fin-numru ta' korsiji li minnhom jgħaddi t-traffiku. Ukoll, l-aċċess għal Triq Tas-Sliema se jkun magħluq għal xi żmien.
Matul il-perijodu kollu, se jitwaħħlu sinjali biex is-sewwieqa jiġu gwidati għal rotot alternattivi skont il-fażi partikolari tax-xogħol.
Il-proġett tal-Kappara Junction mistenni jtaffi l-konġestjoni tat-traffiku f’din it-triq li tifforma parti mit-Trans European Network.