Xogħol fil-komunità wara li tajjar lil sieħbu

Raġel ta’ 27 sena mill-Latvja ingħata 450 siegħa xogħol fil-komunità wara li aċċidentalment ikkawża l-mewt ta’ sieħbu. Fil-Qorti ħareġ li min-naħa tal-familja tal-vittma ma riditx tieħu passi korta l-akkużat kif ukoll li l-vittma kien qed jaqsam it-triq f’żona fejn ma kienx hemm biżżejjed dawl u ftit ‘il bogħod minn zebra crossing.

Il-Latvjan ta’ 27 sena kien qed isuq wara avveniment tax-xogħol fi żmien il-Milied f’Baħar iċ-ċagħaq u tajjar lil sieħbu Olandiż ta’ 20 sena waqt li kien qed jaqsam it-triq f’ San Ġiljan. Il-vittma kien fl-istess avveniment li kien l-akkużat però ma kienx fl-istess karozza miegħu. L-Olandiż intalab joħroġ mill-karozza wara li kellu argument jaħraq. Fil-Qorti ħareġ li l-vittma kellu livell għoli ta’ alkoħol u qasam it-triq b’mod irrisponsabbli fejn intlaqat mill-vettura u tilef ħajtu fuq il-post.

L-akkużat wieġeb ħati u spjega lill-Qorti li kien konxju ta’ dak li ġara u dak il-ħin ma ndunax li tajjar lil xi ħadd. Il-maġistrat qalet li qieset kollox b’mod speċjali l-fatt li l-familja tal-vittma ma xtaqux jipproċedu. Hija qalet li madanakollu xorta intilfet ħajja u għalhekk ordnat 450 siegħa xogħol fil-komunità, bil-liċenzja tas-sewqan sospiża għal sentejn. Huwa ġie ordnat iħallas l-ispiża tal-esperti tal-Qorti wkoll.