Xogħol fil-komunità għal 3 bouncers li attakkaw 2 irġiel f’Paceville

Tliet bouncers instabu ħatja mill-Qorti li kkawżaw feriti gravi fuq żewġt irġiel f’Paceville f’Mejju tal-2017. Huma ġew ordnati jagħmlu bejniethom 600 siegħa ta’ xogħol bla ħlas fil-komunità.

F’sentenza maħruġa mill-Qorti llum, il-Maġistrat Joseph Mifsud sab lil Simon Cassar, Jurgen Sghendo, u Ezekiel-Gorg Mintoff ħatja talli attakkaw lil żewġt irġiel barra stabiliment tad-divertiment f’San Ġiljan. B’kollox tressqu 6 persuni l-Qorti b’rabta ma’ dan il-każ.

Il-maġistrat qal li dan il-każ wasal quddiem il-Qorti minħabba rapporti fil-midja u anke peress li xxandar filmat dwar l-inċident. Il-Qorti ħeġġet biex ikun hawn aktar ġurnaliżmu investigattiv.

L-Ispettur Trevor Micallef qal li fil-21 ta’ Mejju kien ġie infurmat minn surġent li żewġ persuni barranin kienu ssawtu fi Triq San Ġorġ. X’ħin il-pulizija waslu fuq il-post sabu li wieħed minnhom kien mitluf minn sensieh. It-tnejn ittieħdu l-isptar għall-kura.

Mill-Qorti ħareġ li ġew elevati xi filmati li juru liż-żewġ vittmi jkellmu lil xi gwardjani tas-sigurtà. F’ħin minnhom ġie wieħed mill-gwardjani minn wara u xejjer daqqa biċ-ċatt fuq rass wieħed mill-vittmi. Il-vittma dar u fil-pront Mintoff beda jagħtih bis-sieq u bil-ponn. Tefgħu minn tulu fl-art mitluf minn sensieh. Il-vittma sofra minn ġrieħi gravi.

Ġlieda kbira kull tlitt ijiem f’Paceville

L-Ispettur qal li l-vittmi ma kienu involuti fl-ebda ġlieda qabel ma seħħ l-inċident. Spjega li l-vittmi qalulu li kienu sejrin id-dar meta semgħu xi mużika minn stabiliment. Ippruvaw jidħlu imma żammewhom fil-bieb u bdew isawtuhom.

Il-Pulizija Bertly Aquilina xehed fuq il-liċenzji ta’ gwardjani tal-imputati. Spjega li l-imputat Simon Cassar ma kellux liċenzja ta’ gwardjan privat u qatt ma kien applika ghaliha. William Briguglio kien applika għal-liċenzja iżda din kienet ġiet rifjutata. Rigward Carmelo Zammit dan kien liċenzjat bħala gwardjan privat li seta’ wkoll jaħdem f’postijiet tad-divertiment. Carmelo Sghendo u Jurgen Sghendo kienu liċenzjati bħala gwardjani privati biss. Ezekiel Gorg Mintoff kellu liċenjza ta’ gwardjan privat biss. Però din kienet skaduta u ma kinitx reġgħet ġiet imġedda.

Il-Qorti sabet lil Simon Cassar u Jurgen Sghendo ħatja li kkaġunaw feriti gravi fuq wieħed mill-vittmi. Ezekiel-Gorg Mintoff instab ħati li weġġa’ b’mod gravi liż-żewġ vittmi.

Jurgen Sghendo instab ħati li huwa reċediv.

X’weħlu?
Simon Cassar: 150 siegħa xogħol bla ħlas
Jurgen Sghendo: 200 siegħa xogħol bla ħlas
Ezekiel-Gorg Mintoff: 250 siegħa xogħol bla ħlas

Il-Qorti ordnat lil dawn it-tlieta jħallsu bejniethom €1,764 bħala spejjeż tal-esperti.