Xogħlijiet ta’ konsolidament u restawr fuq 12-il maħżen tas-seklu 15 fl-Imdina

Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali George Pullicino, żar ix-xogħlijiet ta’ konsolidament u restawr li qed isiru fuq 12-il maħżen tas-seklu 15 fl-Imdina. Dan ix-xogħol ta’ konsolidament qed isir wara li kien innutat li f’dawn l-imħażen sar ftuħ kbir fil-ġebel bil-konsegwenza li setgħu iċedu u jaqgħu. Għaldaqstant permezz ta’ fondi Ewropej li jlaħħqu t-€2.8 miljun b’kofinanzjament ta’ 75%, qed isir xogħol biex dawn l-imħażen ikunu kkonsolidati.

Il-fażi tal-konsolidament tal-imħażen mas-swar qed issir permezz ta’ 22 micropile f’kull maħżen b’total ta’ 220. Dawn għandhom il-funzjoni li jissikkaw fit-tafal u bhekk jittrasferixxu l-piż tal-istruttura fis-saffi tat-tafal f’fond ta’ madwar 16-il metru. Hekk il-piż tal-imħażen ikun qed iserraħ fuq tafal sod biex ikun evitat iċ-ċaqliq li hemm fil-preżent u li wassal biex infetħu numru ta’ konsenturi.

Il-Ministru, li kien akkumpanjat mis-Sindku tal-Mdina, Peter Sant Manduca, filwaqt li rringrazzja lill-ħaddiema, periti u inġiniera involuti fil-ħidma, qal li x-xogħol hu mistenni li jitlesta f’Settembru li ġej.

Ħalli l-kummenti tiegħek hawn taħt.