Xogħlijiet “ta’ emerġenza” f’Għar Lapsi minħabba l-istat li jinsab fih

Se jsiru numru ta’ xogħlijiet t’emerġenza marbuta mal-manutenzjoni u t-tisbiħ tal-bajja t’Għar Lapsi fis-Siġġiewi minħabba l-istat ta’ telqa lii tinsab fiha.
Dan ħabbruh is-Segretarju Parlamentari għall-Innovazzjoni, Silvio Schembri, u s-Segretarju Parlamentari għall-Protezzjoni tal-Konsumatur, Deo Debattista, waqt konferenza tal-aħbarijiet li żammew f’Għar Lapsi stess.
Schembri nnota t-tgergir ta’ bosta persuni, anki fuq il-mezzi soċjali, dwar il-qagħda tal-bajja, u assigura li li x-xogħlijiet li hemm bżonn isiru jitlestew minnufih.
Għalkemm is-sajf beda ġmielu, Schembri qal li x-xogħlijiet ta’ manutenzjoni jridu jibdew isiru minn qabel sabiex il-post jkun jista’ jitgawda b’mod sigur minn kulħadd fl-istaġun tas-sajf. 
Min-naħa tiegħu, Debattista rrimarka li x-xogħlijiet se jsiru b’mod immedjat permezz tal-ħaddiema tad-Direttorat tas-Servizzi tat-Tindif fi ħdan is-Segretarjat tiegħu.
Sadanittant, tkompli l-istqarrija, l-Awtorità Maltija għall-Komunikazzjoni se tagħmel l-arranġamenti meħtieġa biex jiġi installat is-servizz ta’ Wi-Fi b’xejn fil-bajja t’Għar Lapsi.
Ritratti: DOI – Pierre Sammut