Xogħlijiet infrastrutturali fit-toroq qabel is-sajf

Il-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg qal li bħalissa qed isiru diversi xogħlijiet infrastrutturali sabiex titjib il-kwalità ta’ għadd ta’ toroq li jintużaw aktar ta’ spiss fis-sajf, fosthom toroq li jwasslu għall-bajjiet.
L-ewwel xogħlijiet bdew bil-bini mill-ġdid ta’ parti mit-triq tax-xatt tax-Xemxija (Triq il-Pwales), il-konnessjoni ewlenija lejn il-Mellieħa u nħawi oħra tan-naħa ta’ fuq tal-pajjiż, fosthom l-Għadira, l-Armier, iċ-Ċirkewwa u l-Marfa. Il-Ministru qal li dan ix-xogħol issa tlesta u bħalissa qed isir xogħol ta’ tiswija urġenti fl-istruttura tal-pont ta’ Triq il-Mistra u tiswijiet u asfaltar fit-triq ewlenija bejn ix-Xemija u l-Mellieħa, inkluż it-telgħa ta’ Selmun, aktar ‘il fuq f’din l-istess rotta. Għaddej ukoll ix-xogħol ta’ bini mill-ġdid tal-Bypass tal-Mellieħa. 
Il-Ministru kien qed iwieġeb mistoqsija parlamentari tad-deputat Laburista Byron Camilleri.
Huwa qal li fil-jiem li għaddew tlesta wkoll l-bini mill-ġdid tat-toroq li jwasslu għax-xtajta ta’ Għar Lapsi, b’investiment ta’ aktar minn nofs miljun Ewro. 
Bdew ukoll it-tħejjijiet tal-ewwel fażijiet ta’ proġett parzjalment iffinanzjat minn fondi tal-Unjoni Ewropea, sabiex gradwalment jinbnew mill-ġdid it-toroq fil-kampanja li miż-Żejtun iwasslu għal Tas-Silġ, Delimara, Marsaxlokk, Xrobb l-Għaġin, il-Bajja tal-Kalanka, il-Ħofriet u St Peter’s Pool. Dawn it-toroq jinkludu Triq Delimara u Triq Xrobb l-Għaġin, li bejniethom għandhom tul ta’ madwar sitt kilometri. 
L-ewwel fażijiet ta’ dan il-proġett, fil-ġimgħat li ġejjin, se jinkludu t-triq u l-passaġġ tal-mixi li jwasslu għal St Peter’s Pool, li f’dawn l-aħħar snin saret waħda mill-aktar bajjiet popolari fin-naħa t’isfel ta’ Malta. Din il-ħidma kollha fl-inħawi taż-Żejtun u Marsaxlokk mistennija tilħaq investiment ta’ €1.8 miljun, b’madwar 21,000 metru kwadru ta’ asfalt ġdid.