Xogħlijiet fil-Pixxina Nazzjonali jaqbżu l-€1.3m

Ix-xogħlijiet ta’ manutenzjoni ppjanati għall-Pixxina Nazzjonali huma mistennija li jaqbżu l-€1 miljun, mhux iktar spiża ta’ madwar €600,000, hekk kif il-proġett jinkludi element marbut ma’ enerġija iktar effiċjenti li waħdu jinvolvi l-investiment ta’ iktar minn €1m.
Ix-xogħlijiet kollha mistennija jsiru sal-bidu tal-2017.
Il-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo kkonferma dan fil-Parlament fi tweġiba għal Mistoqsija Parlamentari tad-deputat Nazzjonalista Robert Cutajar.
Il-Ministru Bartolo qal li x-xogħlijiet li għad fadal jinkludu t-tqegħid ta’ art ġdida fuq id-deck tal-pixxina, b’investiment ta’ €150,000; it-tlestija fis-saqaf tal-plantroom, b’investiment ta’ €7,000; il-bdil tal-madum tal-art fiċ-changing rooms tal-kumpless, b’investiment ta’ €30,000; it-tibdil tal-hand railings madwar l-istands tal-kumpless, b’investiment ta’ €45,000. Qed issir ukoll evalwazzjoni tal-ispiża meħtieġa biex issir manutenzjoni fuq il-qiegħ taż-żewġ pixxini, li tiddependi mill-materjal użat.
Il-proġett b’rabta ma’ enerġija iktar effiċjenti se jsir minn fondi tal-UE, bi spiża total ta’ €1,097,400, u jinvolvi l-installazzjoni ta’ pompi li jsaħħnu l-pixxini b’mod iktar effiċjenti u b’inqas emissjonijiet; sistema VRF għall-arja kkundizzjonata għall-uffiċċji; sistema fotovoltajka biex jissaħħan l-ilma fix-showers; u pool covers