Xogħlijiet fil-bypass tal-Imrieħel; triq magħluqa

It-triq li tgħaqqad il-bypass tal-Marsa-Ħamrun mal-bypass tal-Imrieħel se tkun magħluqa bejn it-Tnejn 10 ta’ Settembru u l-Ġimgħa 15 ta’ Settembru, biex tinbena mill-ġdid.

Infrastructure Malta qalu li t-triq se tingħalaq biex tinbena b’pedamenti u asfalt ġodda. Għalhekk, il-karreġġjata fid-direzzjoni tat-Tramuntana se tidjieq għal korsija waħda biss, li tagħti għall-mini ta’ Santa Venera lejn l-Imsida u San Ġiljan.

Skont Infrastructure Malta, twaħħlu tabelli fit-toroq li jiggwidaw lis-sewwieqa għal rotot alternattivi għal min juża din it-triq biex jasal fin-Nofsinhar ta’ Malta, rotot li jgħaddu minn Ħal Qormi u Ħaż-Żebbuġ.

Il-kumpanija ħabbret ukoll li fil-ġimgħat li ġejjin, se tkun qed tagħmel xi xogħlijiet billejl biex ittemm dan il-proġett. Dawn it-toroq imbagħad jinfetħu fis-6am.