Xogħlijiet b’xejn f’250 dar għal użu aħjar tal-ilma

Read in English.

Il-Ministru għall-Immaniġjar tal-Ilma Joe Mizzi qal li se jsiru interventi b’xejn f’250 residenza biex itejbu l-użu tal-ilma tagħhom.

Fi stqarrija, il-Ministeru għall-Immaniġjar tal-Ilma qal li l-Ministru Mizzi nieda kampanja nazzjonali għall-konservazzjoni tal-Ilma – ‘L-Ilma – Ibda Minnek’, li matul dawn it-tliet snin li ġejjin se tkun qed twassal messaġġ pożittiv dwar l-użu effettiv tal-ilma.

Fost l-attivitajiet li se jsiru se jkun hemm mobile unit li se jkun qed iżur kull lokalità f’Malta kif ukoll it-tqassim ta’ water saving kit f’kull residenza.

Intqal li 250 residenza, 50 attività agrikola u 5 uffiċċji pubbliċi jsirulhom interventi biex itejbu l-użu tal-ilma tagħhom. Dawn l-interventi, li jinkludu “bdil jew retrofitting ta’ appliances” u xogħlijiet strutturali skont il-każ partikolari, se jkunu qed jiġu ffinanzjati totalment mill-kampanja. Din l-iskema se titnieda aktar tard dan ix-xahar, fejn se jkunu qed jintlaqgħu applikazzjonijiet minn dawk interessati fuq il-website tal-kampanja.

Il-Ministru għall-Immaniġġjar tal-Ilma Joe Mizzi qal li qed jirriformaw is-settur tal-ilma f’Malta biex jiżguraw il-kapaċità neċessarja li Malta tkompli, b’mod sostenibbli, issostni l-bżonnijiet tagħha fis-snin li ġejjin.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Aaron Farrugia qal li l-kampanja hi parti minn proġett ferm ikbar li jammonta għal investiment ta’ €24 miljun.”

Il-kampanja L-ILMA Ibda Minnek għandha l-għan li teduka u trawwem kultura li twassal għal użu iktar effiċjenti tar-riżorsi tal-ilma u għarfien akbar dwar il-konservazzjoni tal-ilma fil-gżejjer Maltin. Il-kampanja ser tibqa’ għaddejja għat-tliet snin li ġejjin u ser tkun indirizzata lejn is-setturi domestiċi, kummerċjali kif ukoll dawk agrikoli.

Il-kampanja qed titmexxa mill-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma fi ħdan il-Ministeru għall-Enerġija u l-Immaniġġjar tal-Ilma, u hija ko-finanzjata minn fondi Ewropej taħt il-Fond Ewropew għall-Koeżjoni.

Għal aktar dettalji dwar il-kampanja tista’ tidħol hawn.