X’ma kontx taf dwar Black Friday

Ftit ġranet oħra jkollna l-famuża Black Friday u għal ħafna persuni dan il-jum ifisser il-bidu tal-perjodu tax-xiri għal żmien il-Milied. Iżda minn fejn oriġina l-isem ta’ dan il-jum?

Għalkemm ma hemm xejn dokumentat uffiċjalment, ħafna huma dawk li l-isem ta’ Black Friday beda jintuża tard fis-Snin 60 b’riferenza għall-għada ta’ Jum tar-Ringrazzjament (Thanksgiving Day) hekk kif fit-toroq normalment kien ikun hemm kjass sħiħ.

Iżda llum il-ġurnata dan l-isem jirreferi  għall-ġurnata li l-aktar ikollha bejgħ matul is-sena kollha. Dan ilu jseħħ sa mill-2005 meta dan il-jum beda jingħata ħafna importanza u fl-aħħar snin ma baqax biss, popolari fl-Istati Uniti, iżda nfirex ukoll fil-pajjiżi madwar id-dinja, tant li llum l-offerti u l-iskontijiet mhux biss insibuhom fil-ħwienet iżda anki għal min jippreferi jagħmel xiri onlajn.

Minħabba f’din il-kompetizzjoni qawwija, f’ħafna ħwienet, speċjalment barra minn Malta, jiftħu l-bibien tagħhom minn kmieni filgħodu, saħansitra bejn l-4 u l-5 ta’ filgħodu biex b’hekk dawk li jixtiequ japprofittaw irwieħhom mill-prezzijiet imraħħsa, ikunu jistgħu l-prodotti tal-għażla tagħhom qabel ma jispiċċa l-istock li dak il-ħanut partikolari jkollu.

Kont taf li…

Fl-Istati Uniti dan il-jum tant hu popolari li hemmhekk in-nies jibdew jimbuttaw bl-addoċċ biex jidħlu fil-ħwienet. Mill-2006 ‘l hawn kien hemm seba’ mwiet reġistrati kaġun tal-ġenn u l-mod kif dawn l-Amerikani bdew jimbuttaw lil xulxin biex jidħlu fl-istabbilimenti.

Każ ieħor huwa dak li seħħ fl-2008 meta 20,000 persuna pruvaw jidħlu f’ħanut tal-Wal-Mart fi New York u wieħed li jaħdem hemm spiċċa mgħaffeġ waqt il-kjass li nqala’.

Fl-2010, dejjem fl-Istati Uniti, f’Winconsin, fi Florida u fl-Indianapolis, bosta persuni ġew arresstati talli kienu qed iġorru fuqhom skieken u pistoli.

Għalkemm dawn l-istejjer jistgħu jinħassu xi ftit negattivi, hemm bosta fatti pożittivi b’rabta mal-Jum tal-Black Friday.

Dan il-jum fil-fatt huwa mistenni minn ħafna għax għalkemm jispiċċaw biex jonfqu aktar matul dan il-perjodu, jispiċċaw biex jixtru prodotti li fi żminijiet oħra matul is-sena jsibuha diffiċċli biex jixtru minħabba fil-prezz oriġinali tagħhom.

Ħafna wkoll jagħżlu li jagħmlu x-xiri għar-rigali tal-Milied fil-Jum tal-Black Friday minħabba li jibbenefikaw minn skontijiet ġenwini.

U xi ngħidu għal dawk li jfittxu jixtru bis-sale? Hemm min jikkalkula li f’dan il-jum jiffranka ftit flus mhux ħażin, wisq probabbli aktar minn dak li wieħed jiffranka matul is-sale ta’ Jannar.

Però tinsewx, li biex tgawdu minn skontijiet ġenwini, wieħed għandu jipprepara minn qabel f’liema stabbilimenti tan-negozju se jmur, u saħansitra jiffissa l-budget li jixtieq jonfoq f’dan il-jum.