5 xhur mill-assassinju Daphne: ​“X’legat se jħallu warajhom Muscat u Delia?”

Fl-okkażjoni tal-ħames xahar mill-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, illejla saret velja oħra quddiem il-Monument tal-Assedju l-Kbir fil-Belt Valletta.
Waħda mill-kelliema qalet li dak li jgħodd huma l-valuri li fuqhom tinbena l-etika ta’ nazzjon. Spjegat li l-legat huwa marbut mal-għażliet li jitwettqu, u staqsiet x’legat se jħallu warajhom il-mexxejja taż-żewġ partiti politiċi ewlenin, jekk it-tnejn huma mifnijin b’dubji dwar l-integrità morali tagħhom.
Kelliem ieħor kien Dr Edward Debono li saħaq li min inqabad s’issa fil-każ tal-qtil, huwa biss il-paraventu tal-mandant. Irrefera għal dak li ġara fis-Slovakkja u qal li dan huwa kontra dak li ġara f’Malta fejn ħadd ma aġixxa wara l-qtil tal-ġurnalista Maltija.
Il-kelliema f’din l-attività sejħu għall-ġustizzja, u biex min kien il-moħħ wara dan id-delitt, jieħu dak li ħaqqu. Kien hemm preżenti wkoll diversi membri parlamentari tal-Oppożizzjoni.

Il-grupp tal-attivisti #OccupyJustice qalu li daqqew mużika sinonima mal-Mafja u sostnew li jaħseb x’jaħseb il-Prim Ministru, il-poplu Malti mhuwiex seren.
Tennew is-sejħa tagħhom għar-riżenji tal-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar u tal-Avukat Ġenerali Peter Grech li qalu “żifnu mad-daqqa tal-gvern biex issa l-istituzzjonijiet ewlenin tal-pajjiż huma ostaġġi tal-istess gvern”.

Intant, fuq Facebook, Amy Mallia, kuġina ta' Daphne qalet li għaddew ħames xhur u għadha ma saritx ġustizzja, u li f'Malta għadha tirrenja l-impunità. 
Irrimarkat li għadu mhux magħruf minn qatel lil Daphne u min ordna l-assassinju għadu jdur bil-libertà jew bilqiegħda fl-uffiċċju jippjana xi ħaġa oħra biex ikompli jikkomprometti s-sitwazzjoni f'Malta. 
Madanakollu insistiet li "xejn mhu se jsikkitna".