X’kostumi kienu jilbsu fl-antik?

Ftit tal-jiem ilu, propju fiż-żminijiet tal-Karnival, il-MaltaPost ħarġet sett ta’ tliet bolli li juru kostumi tradizzjonali Maltin.
Fost il-kostumi jidher li hemm tar-raħħala, dejjem liebsa qliezet twal għaliex huma aktar prattiċi, iżda bħan-nobbli kienu jilbsu wkoll is-sidrija. It-terħa kienet ukoll tintlibes madwar il-qadd li fiha kienu jpoġġu xi għodda bħal xi sikkina. Dawn il-ħwejjeġ kienu jiġu magħmula minn materjal bħal qoton jew suf, ipproċessat f’Malta stess, u b’saħħithom biżżejjed biex jilqgħu l-elementi. 
Fl-antik il-ħajja Maltija kienet ikkaratterizzata minn żewġ fatti ekonomiċi: dawk li jiddependu mill-attività marittima kummerċjali fil-Port il-Kbir u dawk li jiddependu mill-agrikoltura. 
Fl-istess waqt, l-ilbies u l-kostumi li kienu jilbsu jirriflettu s-soċjetà li kienu jagħmlu parti minnha.  
Heritage Malta pprovdiet it-tliet ritratti differenti li jidhru fil-bolli, filwaqt li l-kostumi ġew meħjuta minn Alda Bugeja.
Il-ħarġa kienet għall-bejgħ minn nhar il-Ġimgħa 9 ta’ Frar mill-fergħat postali madwar Malta u Għawdex.