X’kienu qed jagħmlu l-Pulizija quddiem is-Satabank?

Il-Pulizija kienu ħdejn is-Satabank iktar kmieni illum. Skont rapporti mhux ikkonfermati jidher li iktar tard kien hemm saħanistra l-Pulizija mir-Rapid Intervention Unit li kienu qed josservaw lil xi ġurnalisti li kien hemm quddiem il-binja fejn hemm il-bank. L-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji iktar kmieni dil-ġimgħa ħarġet ordni u biha twaqqaf l-operat tal-bank. L-MFSA appuntat ukoll persuna kompetenti biex tieħu ħsieb il-bank. Wara iżda kienet l-MFSA stess li ordnat lill-Persuna Kompetenti biex tibda proċess fejn il-klijenti tal-istess bank jitħallew ikollhom “aċċess ikkontrollat” għad-depożiti tagħhom marbuta b’numru ta’ kundizzjonijiet. Kelliem għall-Pulizija qalilna li ma kellux iktar informazzjoni meta din il-kamra tal-aħbarijiet pruvat tagħmel kuntatt mal-Pulizija.

Iktar kmieni llum l-MFSA infurmat lill-midja li l-impjegati tagħha se jkunu qed jattendu għall-avveniment li qed jiġi organizzat biex jingħata taħriġ lill-impjegati. Fi stqarrija l-MFSA qalet li minkejja li infurmat lil dawk kollha li għandhom il-liċenzja li kulħadd kien se jkun barra, l-Awtorità qalet li se jkun hemm biżżejjed riżorsi biex tassigura li ma jkunx hemm interuzzjoni fis-servizzi. L-Awtorità saħqet li fil-każ ta’ Satabank qed jittieħdu l-proċeduri xierqa u mhux se jkun affettwat minn dan l-avveniment.

Intant, persuna li qal li huwa klijent ta’ Satabank li għamel kuntatt ma’ Newsbook.com.mt spjega kif l-MFSA kienu magħluqa għal ‘Corporate Day’. Skont il-persuna, huwa prova jiftaħ kont ieħor ma’ banek oħra iżda sab bieb magħluq minħabba dak li ġara lis-Satabank u ħadd ma jrid jiftaħlu kont.

“L-Oppożizzjoni għandha tieqaf bl-attakki kontra l-istituzzjonijiet”

Fi stqarrija is-Segretarjat Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji qal li huwa tassew ta’ għajb li fuq l-Oppożizzjoni li għażlet tattakka l-ħaddiema tal-MFSA li illum se jkunu qed jattendu xi korsijiet ta’ taħriġ. Is-Segretarjat kompla billi qal li l-istess Awtorità assigurat li l-operat se jibqa’ għaddej b’mod normali. Is-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri saħaq li huwa għandu fiduċja sħiħa fl-MFSA filwaqt li qal li l-Oppożizzjoni għandha tieqaf bl-attakki kontra l-istituzzjonijiet.