X’każijiet solviet il-Pulizija f’Awwissu?

Taqsima Relazzjonijiet mal-Komunità u l-Istampa, Korp tal-Pulizija (CMRU)

Ix-xahar t’Awwissu kien wieħed ta’ suċċess għall-Iskwadra tar-Reati Maġġuri u Sigurtà billi din solviet għadd ta’ każijiet, uħud minnhom f’inqas minn xahar.

Il-Pulizija llum ħarġet stqarrija li fiha elenkat is-suċċessi li wettqet fix-xahar li għadda.

Omiċidji

Serq

  • L-investigazzjonijiet dwar serqa ta’ numru ta’ mowbajls minn ħanut f’San Ġiljan, li seħħet fis-7 ta’ Lulju, 2019, intemmu u waslu biex fil-bidu ta’ Settembru, raġel tressaq il-qorti akkużat b’dan ir-reat.
  • Fl-24 ta’ Novembru, 2019, seħħ hold-up fiż-Żejtun. Wara investigazzjoni intensiva, dan ix-xahar raġel tressaq il-qorti akkużat b’din is-serqa.
  • Fit-2 ta’ April, 2020, seħħet serqa minn ħanut tal-mowbajls f’Birkirkara. Il-pulizija solviet il-każ u tressqu l-qorti żewġ persuni lejn l-aħħar ta’ Awwissu.
  • Fl-20 ta’ Ġunju, 2020, il-Pulizija ġiet infurmata b’serqa ta’ mutur f’Għawdex. L-investigazzjonijiet waslu biex fil-bidu ta’ dan ix-xahar, tressqu l-qorti żewġ persuni.
  • Serqa oħra solvuta ta’ mutur tal-ħart fit-18 ta’ Lulju, 2020 billi tressaq raġel il-qorti.
  • Fl-1 t’Awwissu, 2020, seħħet serqa ta’ eluf minn residenza f’San Pawl il-Baħar. Min wettaq is-serqa nqabad jistaħba f’appartament fil-Balluta u tressaq il-qorti.
  • Fit-8 ta’ Awwissu, 2020, seħħew żewġ serqiet mill-istess persuna f’Wied il-Għajn u Ħal Tarxien. Jumejn wara min wettaq dawn ir-reati tressaq il-qorti.
  • Fl-14 ta’ Awwissu, il-Pulizija daħlilha rapport ta’ hold-up fil-Marsa. Il-każ kien solvut u dakinhar stess tressqet il-qorti persuna b’rabta mal-każ.
  • Każ ieħor solvut kien dak ta’ żewġ attentati ta’ serqiet f’Ħal Għaxaq, fis-16 ta’ Awwissu, 2020. Dakinhar stess il-Pulizija ressqet il-qorti persuna akkużata biż-żewġ każijiet.

L-Assistent Kummissarju Sandro Gatt, li jmexxi l-Iskwadra tar-Reati Maġġuri u Sigurtà, qal li “ssuċċess ta’ dawn l-investigazzjonijiet huma frott ta’ sigħat twal ta’ ħidma bla waqfien mill-Pulizija tal-Iskwadra tar-Reati Maġġuri. Ix-xahar ta’ Awwissu kien wieħed impenjattiv, fejn mhux biss kellna reati li seħħew dan ix-xahar stess u li ħafna minnhom ġew solvuti b’suċċess, iżda ukoll ġew konklużi investigazzjonijiet oħra ta’ reati li seħħew fix-xhur ta’ qabel u li wasslu biex tressqu n-nies il-qorti. Minbarra li ġew solvuti numru ta’ serqiet, il-pulizija tal-Iskwadra tar-Reati Maġġuri arrestaw u ressqu persuni b’rabta maż-żewġ omiċidji li seħħew f’Ħal Għaxaq u Tas-Sliema.”

Intant, għadhom għaddejjin l-investigazzjonijiet dwar allegat serq ta’ sigaretti minn maħżen fil-Belt Valletta, fil-bidu ta’ Lulju. Erba’ persuni qed jgħinu lill-pulizija wara ħidma li saret fit-13 ta’ Awwissu fis-Swieqi, fejn instab ammont kbir mis-sigaretti misruqa.

Waqt intervista llum, il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-Kummissarju Angelo Gafà qed juri kemm huwa ta’ stoffa bix-xogħol siewi li qed iwettaq fil-Korp tal-Pulizija.

Gafà laħaq Kummissarju din is-sena wara r-riżenja ta’ Lawrence Cutajar.