X’jixtieq Kirk Douglas meta jagħlaq 103 sena?

Fid-9 ta’ Diċembru li ġej Kirk Douglas se jagħlaq 103 sena. Iżda l-attur talab lil ibnu Michael biex għal din l-okkażjoni ma jagħmillux party kbir.

Waqt programm televiżiv, Michael ta’ 75 sena, qal li jkun sew li meta tagħlaq100 sena jkun hemm birthday kbir. Iżda l-problema tkun li meta jkollok 100 sena ma tantx ikollok aptit ta’ xi party kbir.

Michael Douglas ma’ martu Catherine Zeta-Jones

“101. OK. Ejja nagħmlu party sabiħ,” irrakkonta. “U ta’ 102? Missieri xtaq party żgħir. U issa, li riesaq lejn il-103 snin, bid-dmugħ f’għajnejh, talabni biex nagħmillu biss xi ħaġa żgħira. Kulma jrid ikla mal-familja biex niltaqgħu flimkien. U nieħu lit-tfal.”

Tliet ġenerazzjonijiet: Michael ma’ ibnu Cameron u missieru Kirk. Ritratt: Film Magic

Kirk kellu lil Michael meta kien miżżewweġ lill-eks martu, illum mejta, Diana Dil. Kellu wkoll tifel ieħor, Joel.

Waqt l-intervista Michael iddiskuta wkoll id-19-il sena li ilu miżżewweġ lill-attriċi Catherine Zeta-Jones u wera wkoll ittra li kitiblu missieru għal dan l-anniversarju. F’din l-ittra, miktuba fit-12 ta’ Novembru, fost l-oħrajn Kirk kiteb hekk:

“Michael, int tgħallimt lezzjoni importanti ħafna biex bqajt miżżejjeġ: dik li tobdi lil martek! Kompli pprattika dak li nagħmel jien ma’ marti.”

L-isem proprju ta’ Kirk Douglas hu Issur Danielovish u kien wieħed minn seba’ ulied li għexu f’faqar kbir. L-ewwel film tiegħu kien The Love of Martha Ivers (1946). Matul is-snin 50 sar wieħed mill-aktar atturi mfittxija, fosthom dawk Westerns u tal-gwerra. B’kollox ħadem aktar minn 90 film. Fost l-akbar films tiegħu hemm Lust for Life (1956), Paths of Glory (1957) u Spartacus (1960).