​“X’jiswa li taħdem, tistudja jew tħallas it-taxxi?” – PD

Il-Partit Demokratiku staqsa x’jiswa li taħdem, tistudja jew tħallas it-taxxa, jekk imbagħad is-soċjetà tkun dominata mill-klijenteliżmu.
Kompla jgħid li ż-żewġ partiti ewlenin issa ammettew li jaqdu lin-nies tagħhom, u li dan il-fenomenu jifforma l-bażi tal-akbar problemi fil-pajjiż.
ll-PD qal li għal kull persuna li titqabbeż il-kju fl-isptar, jew li ssib impjieg għax ikellem jew jaf lil xi ħadd, ikun hemm persuna oħra li qed tbati b’mod inġust. Jistaqsi wkoll xi skop hemm li l-politiċi jitkellmu dwar il-liġi tad-dritt meta l-istess politiċi ma jimxux magħha.
Il-Partit Demokratiku saħaq li huwa lest imexxi l-bidla biex fil-pajjiż ikun hawn governanza tajba. Appella lill-partiti politiċi li ladarba ammettew l-iżbalji rispettivi tal-passat, jingħaqdu madwar mejda u joħolqu sensiela ta’ miżuri biex ma jibqax ikun hawn abbużi.