X’jiġri jekk tiddeċiedi li ma ssifirx minħabba l-coronavirus?

Read in English.

L-Awtorità Maltija għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) ħarġet stqarrija sabiex tinforma lill-konsumaturi x’jiġri jekk dawn kellhom safra ppjanata u jiddeċiedu li ma jmorrux minħabba l-coronavirus.

Għal min għandu pakketti tal-ivvjaġġar

Jekk konsumatur ikun ibbukkja xi avveniment barra minn Malta li jitħassar minħabba l-coronavirus, din il-btala titqies bħala waħda “mibdula b’mod sinifikanti,” u għalhekk, il-konsumatur ikollu d-dritt jittermina l-kuntratt mingħajr ma jħallas, u jitlob li jingħata l-flus kollha lura mill-organizzatur tal-vjaġġ.

F’każijiet bħal dawn, il-konsumaturi għandhom id-dritt għal rifużjoni sħiħa fi żmien 14-il jum. Il-konsumatur madankollu mhux intitolat li jitlob kumpens addizzjonali. Jekk l-organizzatur itemm il-kuntratt tal-pakkett tal-ivvjaġġar minħabba ċirkostanzi inevitabbli u straordinarji u jinnotifika lill-konsumatur qabel il-bidu tal-pakkett, il-konsumatur huwa intitolat ukoll għal rifużjoni sħiħa iżda għall-ebda kumpens addizzjonali.

Il-konsumaturi li jiddeċiedu li jikkanċellaw il-pakkett tal-ivvjaġġar, li jista’ jitwettaq bis-sħiħ mingħajr it-tnaqqis tal-partijiet sinifikanti tal-programm tal-vjaġġ oriġinali, mhumiex intitolati li jitolbu rifużjoni sħiħa. F’dawn is-sitwazzjonijiet, il-konsumaturi jistgħu jintalbu jħallsu miżata ta’ terminazzjoni xierqa u ġustifikabbli lill-organizzatur.

Għal min ikollu titjira kanċellata

Id-drittijiet tal-konsumaturi fir-rigward ta’ titjiriet ikkanċellati japplikaw ukoll f’każijiet jekk it-titjiriet jiġu kkanċellati minħabba ċirkostanzi straordinarji bħal projbizzjonijiet tal-ivvjaġġar. Madankollu f’dawn il-każijiet il-passiġġieri affettwati jistgħu biss jitolbu rifużjoni jew rotta mill-ġdid iżda mhux kumpens.

Għal iktar informazzjoni u assistenza dwar id-drittijiet tagħhom, il-konsumaturi jistgħu jikkuntattjaw l-MCCAA fuq info@mccaa.org.mt jew fuq freephone 8007 4400.

L-awtoritajiet tas-saħħa ma jafux kemm hemm nies fi kwarantina f’darhom, skont is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Prof. Charmaine Gauci. Waqt konferenza tal-aħbarijiet dwar il-coronavirus Gauci qalet li s’issa mhemmx każijiet ta’ COVID-19 f’Malta, iżda ġew ittestjati 22 persuna.