X’jiġri jekk l-Awstralja tirbaħ il-Eurovision tal-lejla?

It-trofew tal-Eurovision Song Contest 2019. Ritratt: Thomas Hanses

Kemm ilhom li ddebuttaw fil-Eurovision Song Contest fl-2015, l-Awstralja kisbet riżultati tajbin. Fl-2016 ikklassifikaw fit-tieni post, u b’kollox tlett parteċipazzjonijiet tagħhom spiċċaw mal-ewwel għaxra.

Iżda x’jiġri jekk l-Awstralja eventwalment tirbaħ il-Eurovision Song Contest?

Din hija l-mistoqsija ta’ ħafna u din is-sena qed jingħad li bil-wirja ta’ Kate Miller-Heidke bil-kanzunetta Zero Gravity, teżisti din il-possibbilita.

Jekk eventwalment l-Awstralja tirbaħ il-Eurovision Song Contest, dan il-pajjiż ma’ jkunx dak li jorganizza l-edizzjoni tal-2020. Dan minħabba fid-distanza li hemm kemm biex wieħed jasal hemm, kif ukoll minħabba fid-differenza li hemm mal-ħin Ewropew.

F’każ ta’ rebħa, l-Awstralja tgħin fl-organizzazzjoni u tkun hi li tinnomina l-pajjiż li għandu jorganizza l-Eurovision 2020.

Jingħad li l-Ġermanja huwa l-ewwel għażla tal-Awstraljani biex jospitaw il-Eurovison f’każ ta’ rebħa. Jekk ma’ jaċċettawx, it-tieni għażla se jkun ir-Renju Unit. Dawn iż-żewġ pajjiżi jagħmlu wkoll parti mill-ħames pajjiżi l-kbar, li kull sena għandhom posthom iggarantit fil-finali.

Awstralja: Kate Miller-Heidke. Ritratt: Andres Putting