X’jiġri f’każ ta’ żball fl-isem ta’ ġenitur fiċ-ċertifikat tat-twelid?

Fil-Parlament, il-Prim Ministru Joseph Muscat tkellem dwar x’jiġri f’każ li jsir żball fl-isem jew il-kunjom tal-ġenituri fiċ-ċertifikat tat-twelid, jew kif uffiċjalment hu magħruf, l-Att ta’ Twelid ta’ persuna.

Muscat kien qed iwieġeb għall-mistoqsija tad-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina li talab sabiex il-Prim Ministru jgħid jekk jikkunsidrax li tiġi emendata t-Taqsima III tal-Ewwel Skeda li tinsab mal-Kodiċi Ċivili. Dan sabiex f’każ ta’ żball jew bżonn ta’ tibdil fl-isem u kunjom tal-ġenituri fl-Att ta’ Twelid ta’ persuna, dan ikun jista’ jsir mill-Qorti ta’ Reviżjoni tal-Atti Nutarili. Qal li b’dan il-mod, persuna ma jkollhiex bilfors tipproċedi b’kawża fil-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili kontra d-Direttur tar-Reġistru Pubbliku.

Fir-risposta tiegħu, Muscat qal li mill-informazzjoni pprovduta lilu, jirriżulta li din l-emenda qed tiġi kkunsidrata.