X’jgħid il-ftehim tal-kummerċ bejn il-UE u l-Brexit

File Photo

Read in English.

Jibdew joħorġu l-ewwel dettalji tal-ftehim milħuq fil-qasam tal-kummerċ bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit fil-ġurnata tal-Milied. F’dokument ta’ 2,000 paġna ż-żewġ naħat fasslu l-kooperazzjoni ta’ bejnithom hekk kif ġew fi tmiemhom 40 sena sħubija fl-Unjoni Ewropea tar-Renju Unit.

Il-kummerċ, is-sajd, is-servizzi, kolloko-operazzjoni fuq oqsma ta’ sigurta’ u xjenza u fuq kollox ir-rwol tal-Irlanda ta’ Fuq huma uħud mill-oqsma trattati fil-ftehim.

L-istampa internazzjonali u dik Brittanika bdew joħorġu ftit dettalji ta’ dan il-ftehim hekk kif il-ftehim mistenni jiġi approvat mill-House of Commons nhar it-30 ta’ Diċembru.

Il-BBC jiġbor il-ftehim f’numru ta’ punti:

1. Sajd

Probabli l-iktar għadma iebsa fejn ir-Renju Unit kellu jċedi biċċa. Kwart tal-qabdiet minn dgħajjes tal-UE se jingħataw lir-Renju Unit għall-ħames snin li ġejjin. L-istess dgħajjes se jibqgħu jistadu fl-ibħra tar-Renju Unit għall-ħames snin li ġejjin. Wara li jgħaddu l-ewwel ħames snin, l-aċċess u l-kwoti se jkunu negozjati sena b’sena.

2. Kompetizzjoni, kummerċ u aċċess għas-swieq rispettivi

Dan il-ftehim kummerċjali hu wieħed fis-sens li jisħaq dwar trattament ugwali u kundizzjonijiet ekwi dwar iż-żewġ partijiet. Madanakollu se jkun hemm iktar kontrolli fil-fruntieri rispettivi tar-Renju Unit u tal-UE. Il-ftehim milħuq fl-aħħar sigħat jevita tariffi għoljin għal prodotti maħduma lokalment fir-Renju Unit u esportati lejn l-UE iżda xorta se jkun hemm xi tariffi.

3. L-Irlanda ta’ Fuq

Fejn tidħol l-Irlanda ta’ Fuq hekk kif prodotti manifatturati fl-Irlanda ta’ Fuq se jkollhom aċċess bla xkiel għas-suq Ewropew iżda dan se jwassal għal xi burokrazija bejn l-Irlanda ta’ Fuq u l-bqija tar-Renju Unit.

4. European Court of Justice

Il-Qorti Ewropea għall-Ġustizzja mhux se tibqa’ l-ogħla istituzzjoni tal-ġustizzja fir-Renju Unit. Madanakollu, fl-Irlanda ta’ Fuq se jkollha rwol importanti.

5. Sussidji mill-iStat

Se tkun entità bbażata fir-Renju Unit li tiddeċiedi jekk is-sussidji ikunux qed inaqqru l-kompetittivita’. Madanakollu l-prinċipji ewlenin ta’ kummerċ u l-ftehim jibqgħu fis-seħħ.

6. Programmi ta’ riċerka u skambju

Ir-Renju Unit se jibqa’ jipparteċipa fil-programmi xjentifiċi Horizon, Copernicus u Euratom iżda se jkun qed iħallas biex ikun parti minnhom. L- Erasmus jintemm ir-Renju Unit. Iżda l-Gvern Irlandiż ħabbar li studenti mill-Irlanda ta’ Fuq xorta se jibqa’ jkollhom aċċess għal universitajiet fl-Irlanda.

7. Sigurta’

Fuq sigurta’, ir-Renju Unit mhux se tibqa’ membru tal-Europol u Eurojust. Il-mandati tal-Arrest Ewropej mhux se jibqgħu japplikaw fir-Renju Unit.

8. Turiżmu u Moviment tal-Persuni

Persuni li jridu jaqsmu lejn naħa jew oħra fuq xogħol se jkollhom bżonn permess tax-xogħol sa massimu ta’ 90 jum fis-sena.

Il-Parlament Ingliż mistenni jitlaqqa’ nhar l-Erbgħa biex jirratifika il-ftehim. L-istess irid jagħmel il-Parlament Ewropew kif ukoll il-Parlamenti Nazzjonali tas-27 Stat Membru.