Xjenzati u esperti teknoloġiċi Ewropej jaħdmu flimkien fil-ġlieda kontra l-coronavirus

Xjenzati u esperti tat-teknoloġija fl-Ewropa se jniedu inizjattiva ġdida biex jappoġġjaw l-użu ta’ sistemi diġitali fil-ġlieda kontra l-coronavirus filwaqt li tinżamm konformità mal-liġijiet iebsa dwar il-privatezza tal-kontinent.

Il-Pan-European Privacy Preserving Proximity Tracing (PEPP-PT) qed tiġbor flimkien mal-130 riċerkatur minn tmien pajjiżi li qed jaħdmu flimkien biex jiżviluppaw programmi li jgħinu l-isforzi ta’ contact tracing lil hinn mill-fruntieri. “Il-mira tagħna hi li nipprovdu qafas għall-komponenti diġitali ewlenin fil-ġlieda globali kontra l-COVID-19”, spjega Hans-Christian Boos, fundatur tal-kumpanija Arago u membru tal-kunsill ta’ konsulenza diġitali tal-Gvern Ġermaniż. 

Huwa spjega kif “din il-pjattaforma – li ħaddieħor se jkun jista’ jibni fuqha – se tinkludi strateġija ta’ identifikazzjoni tal-viċinanza ta’ persuna b’mod li tkun konformi mal-GDPR”. Ir-Regolament tal-GDPR jillimita l-ipproċessar tad-dejta privata, fattur li jagħmilha diffiċli li l-COVID-19 tiġi miġġielda permezz tal-location data tat-telefons ċellulari. Minflok, din is-sistema jidher li se tidentifika l-viċinanza ta’ persuna ma’ oħra li tkun instabet pożittiva għall-virus permezz tal-bluetooth, teknoloġija ta’ komunikazzjoni li tippermetti biex żewġ smartphones jagħmlu kuntatt ma’ xulxin. Dan hu kunċett simili għall-app TraceTogether, imnedija f’Singapor, li kien wieħed mill-aktar pajjiżi li rnexxilu jikkontrolla l-imxija.

Intant ir-Renju Unit mistennija tniedi l-inizjattiva diġitali separata tagħha, skont rapporti. Din se taħdem fuq bażi volontarja, u mistennija ssir pubblika ftit qabel jew ftit wara jitwaqqaf il-lockdown.  Riċerkaturi Brittaniċi, fosthom mill-Oxford Big Data Institute, taw kontribut ewlieni fl-iżvilupp ta’ dawn it-teknoloġiji. 

Skont rappurti fil-mezzi tax-xandir, il-Ġermanja tinsab ġimgħat ‘il bogħod mit-tnedija ta’ smartphone app li taħdem bis-sistema tal-Bluetooth biex tagħmilha possibbli tavża lil xi ħadd li jkun f’riskju ta’ infezzjoni. Sorsi qrib il-Gvern Ġermaniżi indikaw li din l-app tista’ titnieda qrib nofs ix-xahar hekk kif eventwalment jibdew jitħaffu r-restrizzjonijiet soċjali.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn