Xjenzati jistudjaw dak li jista’ jkun l-iskeletru tal-Mona Lisa

Xjenzati f’Firenze, l-Italja mistennija li jiftħu l-qabar tal-familja ta’ Lisa Gherardini, il-mara li għexet fis-seklu sittax li huwa maħsub li kienet l-istess mara li ppużat għall-pittura ferm famuża ta’ Leonardo da Vinci, l-Mona Lisa.

Il-qabar jinsab fil-Bażilika tal-Annunzjata f’Firenze.

Ix-xjenzati bdew ukoll sensiela ta’ testijiet fuq tliet skeletri li nstabu fil-kunvent tal-Ursulini fl-istess belt.

It-testijiet tad-DNA se jsiru fuq il-fdalijiet fil-kunvent mal-iskeletri fil-qabar tal-Bażilika, bit-tama li jkunu tal-istess mara.

Il-pass li jmiss imbagħad ikunu li jkejlu l-ħxuna tal-għadam tal-wiċċ tal-iskeletru fil-qabar tal-Gherardini mad-densita’ tal-wiċċ fil-Mona Lisa.

Giorgio Vasari li wkoll għex fis-seklu sittax kien l-ewwel bniedem li ħareġ bit-teorija li Lisa Gherardini kienet l-istess mara fil-pittura ta’ Leonardo da Vinci.

Akkademiċi u studjużi matul is-snin ukoll baqgħu tal-fehma, li din il-mara li kienet tgħix faċċata tal-pittur famuż, hija l-istess persuna.

Kien ir-raġel ta’ Lisa Gherardini li kkummissjona lil Leonardo da Vinci biex ipitter ‘La Gioconda’ kif inhi magħrufa fl-Italja.