Xjentisti jiżvelaw “id-dieta ideali” għall-bnedmin u għad-dinja

Xjentisti żvelaw dak li qed jgħidu hija d-dieta ideali għas-saħħa tad-dinja u l-bnedmin li jgħixu fiha, inkluż li jiżdied bid-doppju l-konsum tal-ġewż u frott ieħor jixbahha, frott, ħaxix u legumi, filwaqt li jonqos bin-nofs l-ammont ta’ laħam u konsum ta’ zokkor.

Ir-riċerkaturi sostnew li jekk id-dinja kollha ssegwi d-dieta bl-isem ta’ “Planetary Health”, aktar minn 11-il miljun mewta primatura jistgħu jiġu evitati kull sena, filwaqt li l-emmissjoni tal-gass tinqata’ b’mod drastiku u jkun hawn iktar ilma, art u biodiversità ppreservata.

Tim Lang, professur fl-Università ta’ Londra, u li kien wieħed mill-persuni li mexxew din ir-riċerka, sostna li l-ikel li nieklu u l-mod kif nipproduċuh jiddetermina s-saħħa tal-bnedmin u tal-pjaneta kollha. Sostna li bħalissa qed naħdmu fuq id-dieta b’mod kompletament ħażin.

Insista li hemm bżonn li sas-sena 2050 id-drawwiet ta’ dieta ħażina jiġu trasformati kompletamet, il-mod kif jiġi prodott l-ikel irid jinbidel u jrid jonqos b’mod drastiku l-ħela tal-ikel. Hu stima li sal-2050 il-popolazzjoni dinjija se tkun telgħet għal 10 biljuni.

Bosta mard kroniku u ta’ theddid għall-ħajja għandhom konnessjoni ma dieti li jagħmlu aktar ħsara milli ġid, inkluż l-obesità, id-dijabete, il-malnutrizzjoni u tipi differenti ta’ kanċer. Ir-riċerkaturi sostnew li dawn id-dieti ħżiena bħalissa qed joqtlu aktar bnedmin mill-alkoħol, id-droga u t-tabakk flimkien.

Din id-dieta ġdida hija r-riżultat ta’ proġett ta’ tliet snin ikkummissjonat mill-ġurnal tas-saħħa The Lancet u jinvolvi 37 speċjalist minn 16-il pajjiż.