X’jemmnu l-Kattoliċi Amerikani dwar il-Knisja, ix-xitan u l-fidi

Maġġoranza ta’ 56% tal-Kattoliċi fl-Istati Uniti stqarrew li jaċċettaw dak kollu jew kważi kollox li tgħallem il-Knisja. Minn dawn huma biss 18% li jaċċettaw kollox u jippruvaw jgħixu miegħu filwaqt li 38% qalu li “ġeneralment jaċċettaw ħafna mit-tagħlim tal-Knisja.

L-istħarriġ ikompli juri li 51%, il-maġġoranza tal-Kattoliċi jħossu li r-reliġjon hi importanti  ħafna f’ħajjithom ju 35% oħra iqisuha “ftit jew wisq” importanti.

Dan hu r-riżultat ta’ stħarriġ tal-opinjoni li kien publikat il-ġimgħa li għaddiet. L-istħarriġ eżamina aktar minn 1,500 Kattoliku fl-Istati Uniti, fl-ewwel ġimgħa ta’ Frar. L-istħarriġ ġabar tagħrif dwar x’jemmnu l-Kattoliċi, ir-rabta politika tagħhom u kemm spiss jattendu l-Quddies u jitolbu.

Qasma

Ir-riżultati miksuba juru li hemm qasma f’dak li l-Kattoliċi jemmnu minn tagħlim partikolari tal-Knisja Kattolika.

Filwaqt li ftit aktar minn seba’ minn kull għaxra jemmnu li ċerti affarijiet huma ħżiena fihom infushom, il-maġġoranza ma jaħsbux li l-abort, l-ewtanasja u s-suwiċidju assistit huma intrinsikament affarijiet ħżiena.

Min-naħa l-oħra il-maġġoranza kbira ta’ 81% tal-Kattoliċi jemmnu li hemm infern u l-x-xitan jeżisti. Irriżulta li maġġoranza sostanzjali ta’ dawk li jqisu lilhom infushom bħala Kattoliċi fl-Amerika, ma jattendux Quddiesa fil-ġimgħa u huma biss 35% li jmorru Quddiesa nhar ta’ Ħadd. Anqas minn 1 minn kull miegħu jattendu Quddiesa kuljum, 5% aktar minn darba fil-ġimgħa.

Fl-Amerika hemm 14% tal-Kattoliċi li jattendu Quddiesa darba jew darbtejn f’xahar u 25% numru ta’ drabi f’sena. 8% qatt ma jmorru quddies.

It-Tagħlim tal-Knisja

Tmintax minn kull mitt Kattoliku Amerikan ddikjaraw li jaċċettaw it-tagħlim kollu tal-Knisja u jgħixuh. Minn dawk li jemmnu t-tagħlim nisrani, 31% jgħidu r-Rużarju kuljum u 71% jitolbu kuljum.

Kważi nofs dawk li jemmnu li tgħid il-Knisja iggradwaw minn kulleġġ jew università reliġjuża. Dawn in-nies huma aktar mgħarrfa bit-tagħlim tal-Papa Franġisku li ddikjara li l-piena tal-mewt m’hix ammissibbli. Madankollu 61% ta’ dawk li qalu li jaċċettaw it-tagħlim tal-Knisja huma favur il-piena tal-mewt.

Dwar kwestjonijiet ta’ libertà reliġjuża, 57% ta’ dawk li jaċċettaw it-tagħlim tal-Knisja, jappoġġjaw id-dritt ta’ sidien ta’ negozju li għal raġunijiet ta’ twemmin ma jaċċettawx li jservu fi żwiġijiet bejn persuni tal-istess sess.

Demografikament, il-maġġoranza kbira tal-Kattoliċi li wieġbu l-istħarriġ ġejjin minn komunitajiet urbani u seba’ fil-mija biss minn bliet żgħar jew żoni rurali. 51% huma miżżewġa filwaqt li 26% qatt ma żżewġu filwaqt li 1 minn kull 10 Kattoliċi stqarr li qed jgħix ma’ sieħeb jew sieħba, 9% huma divorzjati u 4% separati.