Filmat: “L-ebda negozjant jew politiku ma jgħaddilu minn moħħu jgħidli nagħlaq għajn waħda”

Il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà sostna li l-ebda negozjant jew politiku ma jgħaddilu minn moħħu jċempillu biex jitolbu jagħlaq għajn waħda dwar xi każ. Hu qal dan f’intervista ma’ Fr Joe Borg fuq Newsbook.com.mt illum waranofsinhar.

Fost is-suġġetti varji li tkellem fuqhom f’din l-intervista li damet madwar nofs siegħa, Fr Joe Borg staqsa jekk Gafà hux imħasseb dwar il-perjodu ta’ probation li f’dan l-irwol huwa perjodu ta’ sena. Gafà wieġeb jgħid li hu qatt ma ħaseb fuq il-probation. Sostna li se jħalli r-riżultati li jikseb f’din is-sena jservu bħala l-ġudizzju tiegħu.

Dwar jekk hux se jħalli lil xi negozjant jew politku jinfluwenzah fix-xogħol tiegħu, Gafà qal li kull min jafu biżżejjed jaf li ħadd mhu se jfettillu jgħaddilu minn moħħu jċempillu biex jitolbu jagħlaq għajn waħda dwar xi każ jew investigazzjoni. Insista li hu mal-Ministru għall-Intern u mal-Gvern jikkonsulta fuq materji ta’ policy u strutturar tal-korp biex dejjem jara li dawn jittejbu. Insista li hu ma jitkellimx fuq l-operat tal-Korp u fuq l-investigazzjonijiet li jkun hemm għaddejjin.

Għadni nemmen li hemm każ kontra John Dalli – il-Kummissarju

Mistoqsi dwar il-każ tal-eks Kummissarju Ewropew John Dalli, il-Kummissarju qal li għadu tal-istess fehma jiġifieri li hemm każ biex il-Pulizija tiproċedi kontrih.

Qal li minn meta laħaq fil-kariga ta’ Kummissarju segwa l-każ mal-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.

Stqarr li l-persuna li tinsab imressqa l-Qorti f’dan il-każ żgur li għandha rwol biex il-Prosekuzzjoni tkun tista’ tipproċedi kontra Dalli. Qal li din hija logħba taż-żmien iżda huwa konxju li hemm żmien ta’ preskrizzjoni.

“Irridu nġibu lura l-fiduċja fil-pulizija li kien hawn fid-disgħinijiet”

Il-Kummissarju Gafà tkellem ukoll dwar il-fiduċja fil-pulizija mill-poplu residenti fil-pajjiż. Hu qal li aktar kemm jgħaddi żmien, studji qed juru li l-fiduċja fil-pulizija reġgħet qed tikber. Sostna li l-aspirazzjoni tiegħu hija li fi żmien tliet jew erba’ snin, irid jara li l-fiduċja li l-poplu kellu fil-pulizija lura fid-disgħinijiet terġa’ lura.

Hu rrimarka li l-mod kif se jagħmel dan huwa billi jikkomunika mal-pubbliku. Qal li mill-ewwel jum tiegħu fl-irwol bħala Kummissarju tal-Pulizija, għamel konferenzi tal-aħbarijiet dwar każi maġġuri sabiex jaġġorna lill-midja lokali, u b’hekk lill-pubbliku bl-aħħar dettalji dwar investigazzjonijiet li jkunu għadhom għaddejjin.

“Id-dawl huwa element ta’ prevenzjoni għall-kriminalità”

Skont il-Kummissarju Gafà, id-dawl iservi bħala prevenzjoni għal ċertu kriminalità. Hu kien qed jgħid dan meta kien qed jispjega l-kunċett ta’ community policing. Dan il-kunċett jara l-pulizija jaħdmu mal-komunità biex jaraw eżatt kif din il-komunità tista’ tittejjeb biex titnaqqas ir-rata tal-kriminalità. Hu rrimarka kif għaddejjin b’ħafna laqgħat ma’ kunsilli lokali differenti biex il-proġett pilota li beda fil-Mellieħa jkompli jinfirex mal-pajjż.

Irrimarka li permezz ta’ dan il-kunċett qed jaraw li jwasslu l-messaġġ li wasal iż-żmien mhux li jissolvew ir-reati, iżda li l-pulizija tipprevjeni milli dawn isir. B’hekk insista li huma mhux qed jitrattaw il-kriminalitajiet, imma l-problemi li jwasslu għall-kriminalità. Spjega fost l-oħrajn l-awditjar tal-ambjent fil-komunità fejn fost l-oħrajn jaraw li m’hemmx siġar li qed jostakolaw id-dawl fit-triq u li l-bozoz ikun jaħdmu. Sostna li d-dawl huwa element ta’ prevenzjoni għall-kriminalità u b’hekk, anke jekk l-irwol ta’ tibdil ta’ bozoz u ż-żabra tas-siġar ma jaqax taħt il-Korp tal-Pulizija, jaraw li l-prevenzjoni kollha possibbli għall-kriminalità tittieħed.

Illejla fis-6pm il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà wieġeb il-mistoqsijiet ta’ Fr Joe Borg dwar diversi suġġetti fosthom:

  • Xi tfisser meta l-Pulizija jagħtu caution qabel jitkellmu ma’ xi ħadd?
  • Il-Kummissarju għadu jemmem li l-eks Ministru u eks-Kummissarju Ewropew John Dalli messu jitressaq il-Qorti u se jaħdem biex jagħmel dan?
  • X’se jagħmel biex in-nies terġa’ tibda tafda lill-Pulizija?
  • Il-proġett ta’ community policing x’differenza jagħmel fil-ħajja tan-nies?
  • Se jsir Kodiċi ta’ Etika ġdid?
  • Il-fatt li huwa qiegħed taħt probation ta’ sena tillimitah jew le?