X’jaħsbu l-MPs Għawdxin dwar il-ħelikopter tal-isptar?

MPs Għawdxin ħelikopter sptar
Facebook - Justyne Caruana

Qabel ma ġiet ippubblikata parti mill-konklużjoni tar-rapport dwar l-inkjesta tal-ambulanza tal-ajru li tgħid li ma nstab l-ebda nuqqas fil-każ tal-anzjan li eventwalment miet, Newsbook.com.mt kien staqsa lil xi Membri Parlamentari Għawdxin jekk humiex kuntenti bis-servizz u x’jaħsbu dwar il-każ fejn ħelikopter ma kienx disponibbli fil-ħin biex jieħu l-pazjent Għawdxi lejn l-Isptar Mater Dei.

Is-Segretarju Parlamentari Clint Camilleri

Jiena naf li l-Ministru Chris Fearne qed jinvestiga l-każ anke permezz tan-nies tiegħu, l-ewwel nistennew l-eżitu ta’ din l-investigazzjoni mbagħad nikkummentaw minn hemm.

L-MP Nazzjonalista David Stellini

Huwa każ xokkanti, mhux biss bħala MP Għawdxi għax nirrappreżenta lil Maltin u lill-Għawdxin. Immaġina familja Maltija titla’ għal btala f’Għawdex, jekk jinqala’ xi ħaġa u s-servizz f’Għawdex ma jkunx jipprovdi għal dak l-inċident, għandek bżonn il-ħelikopter.

M’hemmx helipad fl-isptar ta’ Għawdex jew ta’ Malta allura jridu jsiru trasferimenti bl-ambulanzi. Apparti hekk jista’ jkun li l-ħelikopter ta’ Steward ma jkunx disponibbli.

Importanti li jkun hemm investigazzjoni indipendenti. Naħseb li s-sitwazzjoni kif inhi hi inaċċettabli. Aħna qed nitkellmu dwar ħajja u mewt.

L-MP Nazzjonalista Frederick Azzopardi

Jidher li ma kienx disponibbli. Imma għaddejja inkjesta bħalissa, mhemmx riżultat, u naħseb li huwa prematur li wieħed jikkummenta.

Jidher li din mhix l-ewwel darba li kien hemm din il-problema. X’inhi eżatt ma nkunx naf għax m’iniex involut fl-isptar direttament.

Il-Ministru Justyne Caruana u l-MP Nazzjonalista Chris Said

F’attività politika, id-deputat għall-Partit Nazzjonalista Chris Said kien talab lill-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana biex issaqsi lill-eks Ministru għal Għawdex Anton Refalo jekk kellux jistenna sigħat biex itir lejn Malta mill-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex. Huwa kien qed jirreferi għal kliem li qalet hi stess, li hemm ħelikopter stand-by. Said saħaq li Caruana għandha ssaqsi l-kollega tagħha dwar dan.

“No comment”

Wara diversi tentattivi biex Newsbook.com.mt jaqbad mal-Onorevoli Anton Refalo, is-sit irnexxilu jkellem lis-sinjura Refalo li wieġbet “no comment”.

Fil-5 ta’ Settembru, Newsbook.com.mt  irrapporta b’aktar ċertezza li l-ħelikopter li jintuża bħala ambulanza tal-ajru mill-kumpanija Steward Healthcare li jmexxu l-isptar ta’ Għawdex ma kienx lest biex jieħu l-pazjent b’attakk ta’ qalb minn Għawdex lejn Malta kif riedu t-tobba.

Sorsi ġodda kienu taw provi lil Newsbook.com.mt  li jikkonfermaw li l-pazjent iddaħħal l-isptar ftit wara l-10am tal-Ġimgħa 24 ta’ Awwissu u telaq bl-ambulanza tal-ajru lejn l-Isptar Mater Dei fl-4.30pm, jiġifieri aktar minn sitt sigħat u nofs wara. Il-pazjent tilef ħajtu aktar tard matul il-ġurnata.