Xitwa kiesħa għal Huawei

Il-kumpanija Huawei, ġgant teknoloġiku multinazzjonali bbażat f’Shenzen, Ċina, u li hija waħda mill-akbar produtturi ta’ tagħmir 5G iddikjarat dħul inqas milli mistenni fis-sena li għadha kif intemmet wara l-konferma li l-amministrazzjoni ta’ Donald Trump kienet pprojbixxit kompletament il-bejgħ tal-prodotti tagħha fl-Istati Uniti.

Filwaqt li r-riżultati finanzjarji għadhom mhux disponibbli, Huawei qed tistma li d-dħul se jiżdied b’18% għal 92.7 biljun sterlina, inqas mill-kważi 20% tas-sena ta’ qabel. Dan qed iwassal għal dak li qed tkun deskritta bħala xitwa kiesħa għal kumpanija.

Il-kumpanija qed tbassar li l-pressjoni fuq il-bejgħ se tibqa’ tul l-2020 hekk kif mhux qed tara tibdil fil-pożizzjoni tal-Gvern Amerikan. L-amministazzjoni ta’ Trump ikklassifikat lil Huawei bħala theddida għas-sigurtà nazzjonali fost xnigħat li l-kumpanija għandha rabtiet mill-qrib mal-gvern u t-tmexxija militari Ċiniża. L-Amerikani qed ipoġġu wkoll pressjoni fuq pajjiżi alleati biex jieħdu passi simili. Deċiżjoni importanti hi mistennija mill-Gvern Ingliż matul dan ix-xahar. Min-naħa l-oħra l-Ġermanja u l-Indja urew li ma kienux qed jaqbu mal-argumenti ta’ Trump.

Il-kumpanija qed tirribatti l-argumenti tal-Gvern Amerikan u qed issostni li din hija biss parti minn strateġija li tostor it-tkabbir tagħha u li kienet se tkompli bil-ħidma tagħha biex tinvesti aktar, tiżviluppa l-aktar teknoloġiji riċenti u tkompli bl-espansjoni globali tagħha.

Dan l-artiklu huwa miġjub lilkom minn MPM Capital Investments Ltd – www.mpmci.net , Tel. 21493250. Tista’ tirċievi l-artiklu b’xejn billi tibgħat email fuq info@mpmci.net 

L-informazzjoni u l-ħsibijiet inklużi fl-artiklu huma provduti għal skop ta’ edukazzjoni u informazzjoni biss u m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala parir ta’ investiment